Fortunatament, fl-aħħar sigħat f’pajjiżna ġie rreġistrat l-anqas ammont ta’ każi pożittivi ta’ Covid-19 minn Lulju. Dan wara li bejn il-Ġimgħa u s-Sibt instabu 6 każi ġodda.
Fuq Facebook, il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li fl-istess perjodu fiequ 11-il persuna oħra. Madankollu, jibqa’ mhux ċar kif din iċ-ċifra tista’ tkun ikkonfermata, hekk kif fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern iddeċieda li ma kienx hemm aktar il-ħtieġa ta’ swab wara ġimgħatejn kwarantina biex ikun ikkonfermat li l-persuna tkun fieqet.
Fl-istess waqt, fl-aħħar sigħat fortunatament ħadd ma tilef ħajtu kawża tal-virus, bil-vittmi f’pajjiżna mill-bidu tal-pandemija f’Marzu tas-sena li għaddiet jibqgħu 417.
F’għeluq il-15-il xahar mill-ewwel każ, it-total ta’ każi pożittivi f’pajjiżna jammonta għal 30,438, bil-każi attivi issa issa niżel għal 247.
Sadanittant, mit-Tnejn, f’pajjiżna se jkunu qed jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti, għalkemm b’mod limitat sal-5pm u b’mhux aktar minn erba’ persuni madwar mejda waħda.
Minn naħa l-oħra, il-Gvern Ingliż ħabbar li Malta ma ġietx inkluża fil-Green List tar-Renju Unit. Dan minkejja li fl-istess jum, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li kien konvint li l-Gvern kien kapaci jikkonvinċi lill-awtoritajiet Ingliżi biex Malta tkun f’din il-lista ta’ pajjiżi meqjusin bħala siguri.
Il-Gvern Ingliż elenka lil dawk il-pajjiżi li n-nies li jkunu qed jivvjaġġaw minnhom jistgħu jidħlu fir-Renju Unit mingħajr ma jkollhom jagħmlu kwarantina. … fosthom l-Awstralja, il-Portugall li tinkludi lill-gżejjer Madeira u l-Azores, New Zealand, Singapore, il-Brunei, l-Iżlanda, il-Gżejjer Faroe, Ġibiltà, il-Gżejjer Falkland, kif ukoll Iżrael.
Malta baqgħet fil-lista l-oranġjo tar-Renju Unit u għalhekk, persuni li minn pajjiżna jivvjaġġaw lura lejn ir-Renju Unit, iridu jagħmlu għaxart ijiem kwarantina. Dan hu fattur li bla dubju se jaffetwa mhux ftit il-bookings mis-suq Ingliż.
Fil-fatt, b’rabta ma’ dan, fi stqarrija l-MHRA saħqet li din is-sitwazzjoni se tħalli impatt negattiv fuq is-settur tat-turiżmu f’Malta għall-inqas għal Ġunju.
Jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata b’mod urġenti, allura s-settur turistiku f’Malta jitlef dak li kien jidher li hu bidu tajjeb għall-istaġun tas-Sajf.
B’kuntrast, mill-Ħadd li ġej, il-Ġermanja se tneħħi lil Malta minn fuq il-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju. Dan ifisser li t-turisti li jirritornaw Malta mill-Ġermanja m’għandhomx bżonn joqogħdu fi kwarantina.
//= $special ?>