Futbol Sport

Gowl drammatiku ta’ Alonso jipposponi ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Man City

Gowl fit-92 minuta skurjat minn Marcos Alonso għal Chelsea serva bħala doċċa kiesha għal Manchester City li kienu qed jittamaw f’rebħa li taċċertahom mir-rebħ tal-Premier Ingliż wara staġun mill-aktar memorabbli li fih spiċċaw jisfidaw għall-unuri kollha. Tliet punti għas-Citizens minn dan il-konfront fl-Etihad Stadium kienu jfissru r-rebħ tas-seba’ kampjonat u kollox deher li kien miexi skont il-pronostiku meta Raheem STERLING poġġihom fil-vantaġġ, minuta mill-mistrieħ. Iżda fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima Sergio Aguero falla penalty – mogħti bi stil ‘Panenka’ – wara li Billy Gilmour kien falla lil Gabriel Jesus fil-kaxxa u b’City jispiċċaw iħallsu prezz qares għal dan l-iżball Fil-fatt, Chelsea tjiebu ħafna wara l-mistrieħ u għamlu l-iskor 1-1 meta Azpilicueta ipprovda assist għal Hakim ZIYECH (63) biex jispara ġewwa minn tarf il-kaxxa. Chelsea komplew jagħfsu u fil-ħin miżjud, Marcos ALONSO daħal għall-‘pull-back’ ta’ Werner biex jegħleb lill-gowlkiper Ederson għat-2-1 deċiżiv.

Din kienet it-tieni rebħa għal Chelsea fuq City fi spazju ta’ tliet ġimgħat – u wara li l-Blues kienu ħadu raġun fis-semi-finali tal-FA Cup li ntlagħbet ix-xahar li għadda. Ir-riżultat ifisser ukoll li Man City iridu jistennew biex jiċċelebraw it-tielet titlu f’erba’ staġuni. Dan meta s-Citizens, fil-preżent, għandhom vantaġġ ta’ 13-il; punt fuq it-tieni tim, Manchester United – u meta r-Red Devils ( li llum jikkonfrontaw lil Aston Villa f’Villa Park) lagħbu żewġ logħbiet anqas mit-tim ta’ Pep Guardiola. Sadanittant, ir-rebħa fl-Etihad tista’ tkun ferm importanti għal Chelsea li qed jippruvaw iserrħu rashom minn post mal-ewwel erba’ tims fil-Premier League – u bil-Blues iridu anki jridu jikkonfrontaw lil City fil-finali taċ-Champions League li se tintlagħab tard dan ix-xahar. It-tim ta’Thomas Tuchel fil-preżent jinsab it-tielet fil-Premier Ingliż fejn qed igawdi vantaġġ ta’ sitt punti fuq West Ham Utd, li jinsabu l-ħames fil-klassifika.

F’Anfield Liverpool kisbu rebħa mportanti ta’ 2-0 kontra Southampton. Liverpool kienu viċin il-gowl fis-26 minuta meta minn corner ta’ Trent Alexander Arnold, id-daqqa ta’ ras ta’ Gigi Wijnaldum ħabtet mal-lasta. Southampton irreaġixxew fid-29 minuta meta minn kontrattakk veloċi, Nathan Redmond għadda lejn Che Adams, li ra l-konklużjoni itegħu salvata tajjeb minn Alisson Becker. Madankollu, Liverpool marru fil-vantaġġ fit-30 minuta meta minn cross minn fuq il lemin ta’ Mohammed Salah, SADIO MANE għola fuq Kyle Walker-Pieters u b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil gowlkiper ta’ Southampton. Liverpool kellhom gowl ta’ Sadio Man fit-80 minuta mħassar għal offside. It-tieni gowl ta’ Liverpool wasal fid-90 minuta meta minn xutt minn barra l-kaxxa THIAGO ALCANTARA dawwar il-ballun fir-rokna tax-xibka għall-ewwel gowl tiegħu ma’ Liverpool, għal skor finali ta’2-0. B’dan ir-riżultat Liverpool telgħu fis-sitt post tal-klassifika b’57 punt u resqu viċin il-postijiet li jiggarantixxu post fl-Ewropa, Min-naħa l-oħra Southampton baqgħu fis-sittax-il post bi’37 punt.

Leeds United għelbu lil Tottenham Hotspur, 3-1, f’Elland Road, b’din id-disfatta tikkumplika ċ-ċansijiet ta’ Spurs li jiksbu post finali mat-‘Top Four’ tal-Premier League meta fadlilhom biss tliet logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Kien Stuart DALLAS (13) li poġġa lill-tim ta’ Yorkshire fil-vantaġġ bit-tmiem gowl personali tal-istaġun u wara li l-gowlkiper, Hugo Lloris, kien evita awtogol spettakolari tad-difensur Sergio Reguilon. Spurs wieġbu 12-il minuta wara minn SON HEUNG-MIN li rċieva mingħand Dele Alli u ma żbaljax għall-1-1, iżda Leeds xorta daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ wara li Patrick BAMFORD (42) wera opportuniżmu kbir biex jegħleb lil Lloris għat-tieni darba b’tap-in – u wara xogħol tajjeb ta’ Alioski. L-aħħar kelma f’din il-logħba wkoll kienet ta’ Leeds meta s-sostitut RODRIGO (84) aċċerta l-punti b’xutt għar-rokna. Dan wara li Harry Kane ta’ Spurs kellu żewġ ‘gowls’ imħassrin għal offside u anki laqat il-mimduda minn freekick. Intant, il-gowlkiper ta’ Leeds, Meslier, ukoll iddistingwa ruħu b’save eċċellenti fuq it-tentattiv ta’ Serge Aurier.

Crystal Palace aċċertaw minn posthom fil-Premier League b’rebħa komda, 2-0, fuq Sheffield United li diġà huma relegati. Christian BENTEKE skorja b’xutt li xxellef għal ġewwa minn ma’ difensur wara biss 67 sekonda – bl-istess attakkant Belġjan, wara, jara lill-gowlkiper Ramsdale isalvalu tentattiv perikoluż qabel il-mistrieħ.Fit-tieni taqsima, Benteke reġa’ kien miċħud mit-tieni gowl – bil-ballun jistampa mal-lasta – iżda fit-88 minuta, Ebere EZE irdoppja wara ħarba veloċi u għall-ewwel rebħa tal-Eagles f’ħames logħbiet.

Illum: Leeds v Tottenham 3-1, Crystal Palace v Sheffield Utd 2-0, Man City v Chelsea 1-2, Liverpool v Southampton 2-0, Għada: Wolves v Brighton 1.00pm, Aston Villa v Man Utd 3.05pm, West Ham v Everton 5.30pm, Arsenal v Wesrt Brom 8.00pm