Ambjent Lokali

Imfakkar il-Jum Dinji tal-għasafar tal-passa

Illum huwa l-Jum Dinji tat-Tajr Migratorju, jew kif nafuhom aħjar l-għasafar tal-passa.

Biex jimmarkaw dan il-jum l-organizzazzjoni Birdlife tellegħet xandira fuq Facebook mir-Riżerva Natural tal-Għadira.

Matul din ix-xandira, membri ta’ Birdlife għamlu sessjoni tar-ringing tal-għasafar tal-passa. F’dan il-proċess, l-għasafar jitpoġġielhom ċurkett li jgħin fil-monitoraġġ tal-movimenti tagħhom.

Iċ-ċurkett hu magħmul minn materjal ħafif ħafna u fih numru uniku li hu marbut mal-għasfur, kif ukoll indirizz li jintuża’ f’każ li l-għasfur jinstab x’imkien ħalli ikun jista jsir rapport dwaru.

Fost l-għasafar li sarilhom iċ-ċurkett f’dan il-proċess kien hemm Vjolin Safrani, Vjolin Ħadrani u Żanzarell.

Bħalissa Birdlife għaddejja b’kampanja msejħa On The Move, li għandha l-għan li tqajjem aktar kuxjenza dwar l-għasafar li jgħaddu minn pajjiżna u li permezz tagħha l-pubbliku hu mħeġġeġ josserva u jgawdi dawn l-għasafar.

F’pajjiżna l-akbar numru ta’ għasafar li naraw huma fil-fatt għasafar migratorji.