Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija jinsabu mħassba bil-mod kif qed isir l-iżvilupp f’Għawdex, li għandu karattru uniku u li ż-żewġt ikmamar jemmnu li għandu potenzjal kbir għal iktar żvilupp ekonomiku sostenibbli u tkabbir li jirrispetta l-kultura u l-awtenċità tal-gżira.
Ir-rata preżenti tal-iżvilupp żejjed xprunata mill-policies eżistenti jeħtieġ li terġa’ tiġi maħsuba mill-ġdid. Kull żvilupp għandu bżonn jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ fejn se jsir u dan jinkludi l-irħula u l-komunitajiet rurali. F’dan ir-rigward, iż-żewġt ikmamar sejħu għal-linji gwida tad-disinn li jirrispettaw il-kuntest tal-irħula tagħna. Id-disinn ta’ kull żvilupp propost irid ikun ikkunsidrat serjament u evalwat fil-kuntest tal-iżvilupp fit-triq biex ikun assigurat li jagħti kontribut pożittiv lid-distintività tal-lokal. Hemm bżonn ta’ linji gwida tad-disinn ċari li jirrispettaw il-kuntest tal-irħula u l-villaġġi kkumplimentati b’policy tal-astetika maħsuba tajjeb. F’dan is-sens, Għawdex jista’ jservi bħala inkubatur għall-provi fejn eventwalment il-policies jiġu implimentati fuq bażi nazzjonali.
Hemm bżonn ukoll li l-policies ikunu applikati u interpretati b’mod koerenti. Il-policies iridu jiġu interpretati f’kuntest iktar wiesgħa aktar milli naqbdu u nagħżlu astratti minn policy jew oħra. Qed naraw it-twaqqigħ ta’ djar residenzjali u bini li jimmerita li jiġu kkonservati biex minflok ikun hemm blokki ta’ appartamenti waqt li l-karattru urban ta’ Għawdex u aspetti oħra bħal qrubija għaż-żoni ta’ konservazzjoni urbana u żoni barra l-konfini tal-iżvilupp qed jiġu injorati għalkollox.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta fiċ-Ċittadella, il-President tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, Joseph Borg saħaq li l-Kamra hi favur żvilupp sostenibbli li jippromwovi kostruzzjoni ta’ kwalità li ssebbaħ l-ambjent u mhux tabbuża minnu. Dan irid isir fil-kuntest li Għawdex jikseb in-newtralità tal-karbonju qabel Malta. “Irridu nieqfu, naħsbu u nippjanaw fit-tul,” qal Joseph Borg waqt li indika li dan il-proċess irid jinvolvi l-periti, l-iżviluppaturi u dawk li jfasslu l-politika.
F’dan il-kuntest, iż-żewġt ikmamar qalu li l-industrija tal-propjetà u l-kostruzzjoni għandha tkun inċentivata biex timxi lejn żvilupp sostenibbli.
Il-protezzjoni taż-żoni ħodor f’Għawdex u l-użu bil-ħsieb u bil-għaqal ta’ x’inhu permissibli f’żoni barra l-konfini tal-iżvilupp fosthom għall-użu ġenwin ta’ dik l-art meta meħtieġ, irid jiġi kkunsidrat bis-serjetà waqt il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ kull żvilupp.
“Għawdex għandu karattru uniku. Dan jikkontribwixxi direttament lejn il-kompetittività u hu dmir tagħna nassiguraw li l-industrija tiżviluppa b’mod li tieħu ħsieb il-karattru u t-tessut tal-gżejjer, l-isfidi li qed iġġib il-bidla fil-klima u l-benesseri soċjali tal-komunità kollha,” qalet il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, Marisa Xuereb.
Ir-rappreżentanti taż-żewġt ikmamar qalu li d-direzzjoni strateġika għal Għawdex għandha tkun ibbażata fuq forom ta’ turiżmu u żvilupp sostenibbli. Huma sejħu lill-awtoritajiet biex jinċentivaw setturi ekonomiċi ġodda relatati mad-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija l-ħadra. Dawn l-opportunitajiet ekonomiċi jistgħu jgħinu lil Għawdex jilħaq in-newtralià tal-karbonju qabel Malta.
Iż-żewġt ikmamar jemmnu li Għawdex jista’ jkompli jirnexxi f’ħafna modi differenti. L-iżvilupp għandu jservi għall-ġid komuni u joħloq valur ekonomiku reali li ma jaffetttwax ħażin il-kwalità tal-ħajja.
//= $special ?>