Lokali Unjoni Ewropea

L-UE hu proġett ta’ paċi u rikonċiljazzjoni – il-Presidenti tal-Istati Membri

Il-proġett Ewropew hu proġett ta’ paċi u rikonċiljazzjoni. Kien hekk fil-bidu u għadu hekk illum. Hekk kitbu 21 President ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea – fosthom il-President ta’ Malta George Vella – liċ-ċittadini Ewropej, lejlet Jum l-Ewropa, li titfakkar fid-9 ta’ Mejju.

Il-Presidenti qalu li llum l-Ewropa għandha diversi sfidi, fosthom il-kriżi klimatika u l-ħolqien ta’ ekonomiji ekoloġiċi, kif ukoll il-bilanċ bejn il-kompetizzjoni li qed tiżdied fost l-operaturi globali u l-ħidma sfieqa meħtieġa għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà.

Il-Presidenti qalu li għal dawn, hemm bżonn ikunu żviluppati metodi u soluzzjonijiet ġodda. Hu għalhekk li f’din l-okkażjoni, qed tkun organizzata konferenza dwar il-futur tal-Ewropa, anke fost iċ-ċirkostanzi diffiċli tal-pandemija tal-Covid-19.

Ċirkostanzi li fakkru lil kulħadd f’dak li hu tassew importanti f’ħajjitna: is-saħħa, ir-relazzjoni tagħna man-natura u mal-bnedmin l-oħrajn, is-solidarjetà reċiproka u li naħdmu flimkien.

Għaldaqstant, il-Presidenti qed jappellaw liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea biex jużaw din l-opportunità ħalli jissawwar futur komuni. Dan għaliex il-prinċipji fundamentali kollha tal-integrazzjoni Ewropea għadhom rilevanti ferm sal-lum, fosthom il-libertà, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, is-solidarjetà, id-demokrazija u l-lealtà fost l-Istati Membri.

Il-Presidenti tal-21 Stat Membru tennew il-ħtieġa għal Unjoni Ewropea b’saħħitha u effettiva, li tkun mexxejja globali fit-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli, b’imbatt newtrali fuq il-klima u sostnut mit-teknoloġija diġitali. Komplew li neħtieġu Unjoni Ewropea li lkoll kemm aħnar nkunu nistgħu nidentifikaw ruħna magħha.

Il-Presidenti qalu li l-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa se tkun opportunità għal diskussjoni miftuħa dwar l-Unjoni Ewropea, partikolarment fost iż-żgħażagħ, bi spazju għal djalogu dwar x’nistennew mill-Unjoni Ewropea għal għada u x’kontribut nistgħu nagħtu llum.