Lokali

Ordnati erba’ saċerdoti ġodda

Is-Sibt Filgħodu, il-Knisja f’Malta ċċelebrat l-Ordinazzjoni ta’ erba’ Saċerdoti ġodda.

L-Ordinazzjoni Presbiterali tmexxiet mill-Arċisqof Charles J Scicluna fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Hu kien akkumpanjat fost l-oħrajn mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u min-Nunzju Appostoliku għal Malta Alessandro D’Errico.

L-erba’ Saċerdoti ġodda huma Dun Roderick Baldacchino u Dun Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, Dun Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, u Patri Mark Scicluna tal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini.

Waqt l-Omelija, l-Arċisqof Scicluna talabhom f’isem il-Knisja biex jagħmlu ħilithom kollha ħalli jkunu l-aħbar it-tajba għal kulħadd. Għax x’jiswa li jkollok messaġġ għażiż imma mbagħad min jiltaqa’ miegħek jibqa’ b’togħma qarsa?, staqsa l-Kap tal-Knisja f’Malta.

Hu appellalhom biex jitolbu li kulmin jiltaqa’ magħhom ikollu togħma tajba – togħma ta’ min iltaqa’ mal-Evanġelju u l-Aħbar it-Tajba.

Monsinjur Scicuna stqarrilhom li llum il-Mulej qed jagħtihom il-qawwa li jfejqu bis-Sagrament tal-Qrar … Sagrament li fil-Knisja hu riservat biss għas-Saċerdozju. Dan filwaqt li fakkarhom li issa huma msejħa jwasslu l-fejqan lill-poplu.

L-Arċisqof appellalhom ukoll biex jitolbu lill-Mulej ħalli jeħlishom minn kull tiġrib u ma jaqtgħu qalbhom qatt għax ha jkollhom lill Alla dejjem maghhom biex jieħu ħsiebhom u li jridu jafdaw fih.