Coronavirus Lokali

Wara l-mewt ta’ raġel li ma ngħatax il-vaċċin, il-Ministri ma jwieġbux dwar it-trasparenza fil-proċess

Wara li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ikkonferma li Ivan Barabara u martu ma ngħatawx il-vaċċin tal-Covid-19 qabel ma marru l-Indja biex jaddottaw lil binthom, Ministri fil-Gvern ta’ Robert Abela qed ikomplu jqajjmu dubju dwar it-trasparenza fil-proċess.

Waqt intervista fuq Newsbook, Fearne qal li wieħed ma jistax joqgħod jgħid li se jsiefer biex jaqbeż il-kju għall-vaċċin.

Bi kliemu Fearne ried bħal donnu jinsinwa li Ivan Barbara u martu marru l-Indja b’kapriċċ, meta fil-fatt dawn kellhom isiefru biex,, wara snin ta’ stennija, iġibu lejn Malta lil binthom adottata.

Iżda fl-isfond ta’ dan kollu, Ministri tal-Gvern qed ikomplu jqajmu dubji serji dwar it-trasparenza fil-proċess tal-vaċċinazzjoni.

NET News staqsa lill-Ministru Jose Herrera meta tlaqqmu l-ħadddiema tal-Ministeru tiegħu u jekk kienx hemm min qabeż il-kjum bil-Ministru jgħid li dawn tlaqqmu ‘fi żminijiet differenti’.

Iżda mistoqsi jistax jassiguarana li ħadd ma tqabbeż qabel ħaddieħor, Herrera qal li ma jafx u li mhux infurmat. U mistoqsi jekk hux lest jagħtina d-dati tat-tiqlim tal-ħaddiema, Herrera pprova joħroġ minnha billi qalilna li dawn tlaqqu f’perjodi differenti.

NET News staqsa wkoll lill-Ministru Aaron Farrugia meta tlaqqmu l-ħaddiema tiegħu., b’Farrugia baqa’ jgħid li ma jafx jekk xi ħadd mill-ħaddiema tiegħu tlaqqamx qabel il-waqt, u biex jeħles minna talabna nibgħatulu email, qabel ma spiċċa jsaqsi lilna jekk tlaqqamniex.

Fil-bidu ta’ Marzu, NET News kien talab lil kull Ministru u Segretarju Parlamentari biex jiddikjaraw jekk ħaddiema tagħhom kienux ingħataw il-vaċċin qabel ma kien imisshom. Iżda ħadd minnhom baqa’ ma wieġeb għal din il-mistoqsija.

Sadanittant, f’battuta minn taħt l-ilsien, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius instema’ jgħid “U ija, issa mhux kulħadd se jitlaqqam”. Madankollu, id-Deputati ta’ Robert Abela ma kellhom xejn x’jgħidu meta fakkarnihom li persuna kienet tilfet ħajjitha ftit taż-żmien ilu wara li t-talba tiegħu biex jingħata l-vaċċin ma ntlaqgħetx mill-awtoritajiet Maltin.