Lokali

71 sena mit-twelid tal-Unjoni Ewropea

Illum qed jiġi ċċelebrat Jum l-Ewropa… il-jum li fih Malta tingħaqad mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej sabiex titfakkar din iċ-ċelebrazzjoni annwali ta’ paċi u għaqda fil-kontinent.

Bħal llum 71 sena, fl-1950, ġiet iffirmata d-dikjarazzjoni bejn Franza u dik li kienet il-Ġermanja tal-Punent sabiex il-produzzjoni tal-faħam u l-azzar issir taħt awtorità komuni.

Ftehim imsawwar fuq l-ideoloġija ta’ Robert Schumann, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, fejn stabbilixxa l-ħsieb tiegħu għal forma ġdida ta’ kooperazzjoni politika għall-Ewropa. Il-viżjoni tiegħu kienet li tinħoloq istituzzjoni Ewropea u hekk ġara.. Dan hekk kif il-proposta ta’ Schumann hi meqjusa bħala l-bidu ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropea.

Il-miri tal-Unjoni Ewropea dejjem kienu li tippromovi l-paċi, l-inklużjoni, it-tolleranza, is-solidarjetà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni.

Intant, kien fl-1 ta’ Mejju 2004 meta Malta saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami sejjaħ elezzjoni ġenerali, li ssiġillat ix-xewqa tal-poplu u wasslet għall-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni sena wara fil-kapitali Griega Ateni. Pass li wassal biex illum Malta ilha 17-il sena membru tal-UE.

Kull sena eluf ta’ nies jieħdu sehem fiż-żjarat, dibattiti, kunċerti u avvenimenti oħra biex ifakkru l-jum, iżda minħabba il-kriżi tal-COVID-19, l-Unjoni Ewropea din is-sena stiednet liċ-ċittadini Ewropej u d-dinja kollha sabiex jiskopru u jiċċelebraw dan il-jum b’mod sikur u virtwali.