Coronavirus Lokali Saħħa

9 każijiet ġodda ta’ Covid-19 – 31 persuna jfiqu

Fl-aħħar sigħat f’pajjiżna ġie rreġistrat ammont ieħor baxx ta’ każi pożittivi ta’ Covid-19. Dan wara li bejn is-Sibt u l-Ħadd instabu 9 każi ġodda.

Fuq Facebook, il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li fl-istess perjodu fiequ 31 persuna oħra.

Fl-istess waqt, fl-aħħar sigħat fortunatament ħadd ma tilef ħajtu kawża tal-virus, bil-vittmi f’pajjiżna mill-bidu tal-pandemija f’Marzu tas-sena li għaddiet jibqgħu 417.

Wara 15-il xahar mill-ewwel każ, it-total ta’ każi pożittivi f’pajjiżna jammonta għal 30,447, bil-każi attivi issa niżel għal 225.

Mit-Tnejn, f’pajjiżna se jkunu qed jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti, għalkemm b’mod limitat sal-5pm u b’mhux aktar minn erba’ persuni madwar mejda waħda.

Sa issa 119,427 persuna ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin. Bħalissa ir-rata ta’ trasmizzjoni f’pajjiżna niżlet għal 0.5.

Intant, is-Supretendent tas-Saħħa appellat biex kulħadd jibqa’ jżomm mal-miżuri ta’ mitigazzjoni li hemm fis-seħħ bħalissa, u qalet li kienu dawn il-miżuri flimkien mal-vaċċin li qed jgħinu biex pajjiżna jnaqqas il-każijiet ta’ infezzjoni.