Edukazzjoni Lokali

Daniel Bogdanovic għadu impjegat fis-Segretarjat ta’ Justyne Caruana

Tmien ġimgħat minn meta żvelajna kif il-Ministru Justyne Caruana hi fiċ-ċentru ta' abbużi tal-poter

Sorsi infurmati fil-jiem li għaddew żvelaw ma’ il-mument kif il-plejer-coach ta’ Għajnsielen FC Daniel Bogdanovic għadu impjegat fis-Segretjat tal-Edukazzjoni kif immexxi mill-Ministru Justyne Caruana.

Sorsi infurmati qalulna li spiss ħafna l-Ministru Justyne Caruana u Daniel Bogdanovic jidhru deħlin fil-binja tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fil-Furjana u anki fil-binja li qed isservi ta’ estensjoni tal-Ministeru f’Victoria Għawdex.

Mhux biss, iżda l-istess sorsi qalulna wkoll li matul il-ġurnata Daniel Bogdanovic jgħaddi ħinijiet twal fl-uffiċċji tal-Ministru Justyne Caruana li huma fis-sular ta’ fuq u maqtugħa f’parti għalihom mill-kumplament tal-Ministeru.

Lil hinn minn hekk ukoll l-istess Daniel Bogdanovic spiss jakkumpanja lill-Ministru Justyne Caruana f’siti ta’ kostruzzjoni u fi skejjel tal-istat. Saħansitra ritratt f’dan is-sens kien pubblikat fil-ħarġa ta’ ħmistax ilu tal-gazzetta It-Torċa, fejn Justyne Caruana u Daniel Bogdanovic żaru waħda mill-iskejjel tal-Istat.

Barra minn hekk, anki fir-ritratt li qed nippubblikaw illum il-Ministru Justyne Caruana tidher fuq il-lant tax-xogħol – fi skola li għadha qed tinbena f’Għawdex – flimkien ma’ Daniel Bogdanovic.

Is-sorsi ta’ il-mument komplew li tgħid x’tgħid Justyne Caruana, kollox jindika bl-aktar mod ċar li Daniel Bogdanovic hu fuq il-payroll tal-Gvern b’xogħol direttament mogħti lilu bħala parti mis-Segretarjat tagħha fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Isem Daniel Bogdanovic reġa’ lura fil-midja grazzi għal din il-gazzetta li ftit tal-ġimgħat ilu żvelat kif dan iddaħħal fis-Segretarjat tal-Edukazzjoni u eventwalment ingħata wkoll kuntratt ta’ €15,000 biex ikollu rwol ta’ tmexxija u konsulenza dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport.

Justyne Caruana tat lil Daniel Bogdanovic ir-rwol ta’ Coordinating Officer u fost is-suppost impenji li kellu jkollu, kellu dak li jżur l-iskejjel tal-Istat u jagħmel rakkommandazzjonijiet dwar kif l-Iskola Nazzjonali tal-Isport tattira lejha tfal b’potenzjal akbar fl-atletika.

Dan kien kuntratt ta’ tliet xhur – bejn Jannar u April 2021 – li għalih Daniel Bogdanovic kellu jdabbar xejn inqas minn €15,000!

Dawk kollha involuti fit-tagħlim tal-isport kienu ħadu din l-aħbar b’rabja kbira, aktar u aktar meta l-istess Daniel Bogdanovic m’għandu l-ebda kwalifiki f’dan is-settur.

Il-pressjoni tal-midja fuq il-Gvern dwar dan l-abbuż sfaċċat ta’ poter kienet wasslet lill-Ministru Justyne Caruana biex tirtira dan id-direct order fil-konfront tas-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic. Iżda kollox jindika li jekk dik id-direct order kienet irtirata, dan xorta waħda għadu jifforma parti mis-Segretarjat tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Fil-kwadru ta’ dak kollu rapportat dwar Justyne Caruana, George Hyzler, bħala l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, kien intalab jinvestiga d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li jagħti kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar lill-eks futboler internazzjonali Daniel Bogdanovic.

Hu kien intalab biex jinvestiga kif Justyne Caruana kienet tat kuntratt ta’ tliet xhur ta’ €15,000 lill-ħabib tagħha Daniel Bogdanovic biex jaħdem fuq il-kurrikulu nazzjonali tal-isport, minkejja li m’għandux kwalifiki pedagoġiċi.

It-talba lil George Hyzler saret minn Arnold Cassola, “billi jingħad li Bogdanovic hu l-boyfriend tal-Ministru.”

Lil hinn minn hekk fil-pajjiż diversi kienu dawk li kkundannaw bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Ministru Caruana li tagħti kuntratt bħal dan lil Daniel Bogdanovic meta dan mhux kwalifikat. Aġir irresponsabbli tal-Ministru Justyne Caruana.

Bosta kienu dawk li kkuntrastaw il-mod kif minn meta faqqgħet il-pandemija, “il-Ministeru tal-Edukazzjoni waqqaf il-pagamenti għall-boroż ta’ studju ta’ bosta studenti, waqqaf ukoll pagamenti ta’ progetti edukattivi fl-iskejjel u ħalla lill-għalliema b’laptops qodma u skaduti biex jgħallmu t-tfal online waqt li l-iskejjel huma magħluqa,” mal-mod kif qed jitħallas “il-ħabib viċin” tal-Ministru.

“Diżgustanti u inaċċettabbli,” ċanfru bosta lill-Ministru Caruana, partikolarment fi żmien meta kull ċenteżmu jgħodd u għandu jmur biex jittaffew id-diffikultajiet tal-istudenti.

Naturalment quddiem dan kollu bosta għadhom sal-lum jistennew lill-Prim Ministru Robert Abela jieħu azzjoni konkreta dwar dawn l-abbużi sfaċċati.