Internazzjonali Lokali Mużika

Destiny b’wirja spettakolari fl-ewwel prova ta’ Je Me Casse f’Rotterdam

Ritratti u filmat: EBU

Il-Ħadd waranofsinhar Destiny kellha l-ewwel prova tad-diska Je Me Casse fuq il-palk tal-Eurovision Song Contest f’Rotterdam, hekk kif din is-sena se tittella’ l-65 edizzjoni ta’ dan il-festival ferm mistenni madwar id-dinja kollha.

F’wirja impekkabbli, Destiny flimkien maż-żeffiena li se jakkumpanjawha, kienu lebsin ilbies lewn roża fi sfond isfar. Fl-ewwel kummenti tagħha Destiny qalet li tinsab sodisfatta ferm li l-ewwel prova marret tajjeb ħafna.

Malta se tkun qed tieħu sehem fl-ewwel semi-finali nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju fejn Destiny se tkanta fl-aħħar post. Is-serata finali mbagħad issir is-Sibt 22 ta’ Mejju.

B’kollox din is-sena se jieħdu sehem 39 pajjiż hekk kif fis-sala se jkun hemm biss madwar 3,000 persuna minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.