Internazzjonali

Iċ-Ċina qed tgħid li l-fdalijiet tar-rokit niżlu direttament fl-Oċean Indjan

Il-fdalijiet jew debri tar-rokit li ċ-Ċina kienet tellgħet fl-ispazju ftit tal-jiem ilu spiċċaw niżlu fl-Oċean Indjan – dejjem skont ma qalu s-sorsi qrib l-aġenzija tal-ispazju Ċiniża. Il-fdalijiet, fl-aħħar jiem, kienu qed javviċinaw l-atmosfera tad-dinja fost il-preokkupazzjoni ta’ ħafna dwar ‘iz-zona li kellhom jolqtu’ ladarba jaqgħu lura fostna.

Il-parti kbira tar-rokit ‘Long March 5B Y2’ inqerdet malli daħlet mill-ġdid fl-atmosfera tagħna, waqt li l-media taċ-Ċina sostniet li d-debri, issa, waqgħu f’inħawi lejn il-punent tal-Gżejjer Maldives.

Fl-aħħar ġranet ma waqfitx l-ispekulazzjoni dwar ‘fejn seta jinżel ir-rokit’ – bl-uffiċjali tal-Istati Uniti u esperti oħrajn iwissu dwar ‘sitwazzjoni bil-potenzjal li tirriżulta fil-vittmi’. Sadanittant, iċ-Ċina ribattiet li s-sogru tal-imwiet dovuti għall-inżul lura tar-rokit kien ‘minimu’.

Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, qalet li l-fdalijiet tar-rokit ‘Long March’ kienu daħlu mill-ġdid fl-atmosfera tad-dinja ftit wara t-3 am tal-Ħadd ( ħin tal-Ewropa). Dan waqt li ma ngħataw l-ebda dettalji dwar ‘vittmi jew ħsarat potenzjali’.

Ir-rokit taċ-Ċiniżi – li t-tlugħ tiegħu seħħ lejn l-aħħar ta’ April mill-provinċja ta’ Hainan — kien jiżen mat-18 il-tunnellata. L-istess rokot hu fost l-akbar inġenji li l-fdalijiet tiegħu qatt niżlu direttament (u bla kontroll) mill-ispazju lejn id-dinja.

L-awtoritajiet tas-Space Command tal-Istati Uniti, sadanittant, qalu biss li r-rokit taċ-Ċina ‘daħal lura fid-dinja minn zona ‘il fuq mill-Penisola Għarbija’ u li ‘ma kienx magħruf jekk kienx hemm xi impatt mal-art jew mal-baħar’.

L-entità Space-Track – li tipprovdi servizzi ta’ moniteraġġ u li tuża data militari tal-Amerikani – qalet, intant, li r-rokit (f’dan il-każ il-fdalijiet tiegħu) kien indikat fuq l-Arabja Sawdija ‘qabel niżel fl-Oċean Indjan viċin il-Maldives’.