Lokali

Il-Gvern irid iwieġeb kif Ivan Barbara talab bil-ħniena li jingħata l-vaċċin u t-talba waqgħet fuq widnejn torox

It-tliet Ministri Għawdxin f’kompetizzjoni biex jaqdu n-nies u jieħdu l-vaċċin

Il-Gvern ta’ Robert Abela jrid iwieġeb quddiem l-aġir tal-Ministri tiegħu li filwaqt li ma semax il-karba tan-Nutar Ivan Barbara li kien ilu jagħmel għal diversi ġimgħat biex jingħata l-vaċċin qabel ma jħalli Malta għall-Indja biex jadotta tifla ċkejkna, uħud mill-ministri tiegħu, fuq quddiem it-tliet ministri Għawdxin, kienu f’kompetizzjoni min minnhom se jaqdi l-aktar kostitwenti u nies ta’ madwarhom biex jingħataw il-vaċċin qabel iż-żmien.

Il-gazzetta il-mument jirriżultalha li b’mod mill-aktar sfaċċat li t-tliet ministri Għawdxin fil-kabinett ta’ Robert Abela – il-Ministri Clint Camilleri, Justyne Caruana u Anton Refalo – ilhom xhur f’kompetizzjoni bejniethom biex jaqdu kemm jista’ jkun nies u jingħataw il-vaċċin qabel iż-żmien. Dan jikkonfermawh in-nies stess li nqdew u ħadu l-vaċċin qabel iż-żmien għaliex il-pjan tal-awtoritajiet tas-saħħa kien ċar dwar min kellu l-ewwel jitlaqqam. Jirriżulta li l-Awtoritajiet tas-Saħħa stabbilew proċeduri biex dawk l-aktar vulnerabbli jitlaqqmu l-ewwel kontra l-COVID-19.

Saħansitra Maltin biex jinqdew u jaqbżu l-kju f’Malta u jitlaqqmu malajr, kienu mitluba jmorru għall-vaċċin f’Għawdex.

Ritratt mill-arkivji

Dan jikkuntrasta bil-kbir quddiem it-traġedja li għadda minnha n-nutar Ivan Barbara li miet proprju waqt li kien se jibda l-vjaġġ lura lejn Malta mill-Indja kawża tal-COVID-19. Hu dwar dan li Robert Abela u kull min hu responsabbli għal dan l-aġir tal-ministri, irid iwieġeb.

Il-familja Barbara sa minn qabel marret l-Indja biex tadotta, kienet ilha bosta ġimgħat titkarrab biex il-koppja Ivan u Rosanne Barbara jingħataw il-vaċċin għal kontra l-COVID-19 minħabba li kienu se jagħmlu vjaġġ perikoluż lejn l-Indja, pajjiż li laħaq livelli mhux kontrallabbli ta’ mwiet kawża tal-pandemija, biex hemm hekk jiffirmaw u jadottaw tifla ċkejken u hekk jagħtuha l-imħabba li qatt ma sabet.

Iżda kull tentattiv li Ivan Barbara għamel, anki mal-ogħla awtoritajiet, waqa’ fuq widnejn torox. U aktar meta bdiet toqrob id-data tal-bidu ta’ Marzu li għadda meta l-koppja Barbara kellha tħalli l-gżejjer Maltin biex tmur l-Indja, u hekk kif allura l-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Indja kienet qed issir waħda aktar perikoluża minħabba l-pandemija, il-koppja Barbara kompliet tagħmel dak kollu li tista’ biex xi ħadd jisma’ l-karba tagħhom.

Hu stat ta’ fatt li bosta kienu dawk li tqabbżu biex ingħataw il-vaċċin qabel ma kien imisshom, jew intbagħat għalihom biex jieħdu t-tilqima. Nifhmu wkoll li lil hinn minn dan is-sigriet magħruf, kien hemm min qal lin-nutar Barbara li ma kellhiex tkun xi ħaġa ta’ barra minn hawn li hu u l-mara tiegħu Rosanne jingħataw it-tilqima qabel ma jħallu Malta biex hekk din isservihom ta’ prevenzjoni milli lil xi ħadd minnhom taħkimhom il-pandemija u s-sitwazzjoni tagħhom taggrava.

Iżda jidher li għal xi raġuni jew oħra ħadd ma kellu s-sens komun li jagħti lil Ivan Barbara u lill-mara Rosanne l-vaċċin biex setgħu jivvjaġġaw b’rashom mistrieħa.