Futbol Sport

Rimonta għal Man Utd f’Villa Park….West Brom relegati wara telfa kontra Arsenal

(Ritratt: EPA)

Manchester United huma kważi ċerti li jispiċċaw fit-Top Four tal-Premier League wara rebħa 3-1 fuq Aston Villa – b’dan ir-riżultat ifisser ukoll li Manchester City għadhom qed jistennew biex ikunu nkurunati Champions wara d-disfatta tas-Sibt ma’ Chelsea. Ir-Red Devils – li ftit tal-jiem ilu bukkjaw posthom fil-finali tal-Europa League – sabu ruħhom minn taħt kmieni fil-logħba meta, wara żball ta’ McTominay, Bertrand TRAORE (24) avvanza mix-xellug u minn angolu diffiċli spara xutt li ma jaħfirx fir-rokna tax-xibka. Ir-reazzjoni ta’ United kienet fjakka tul l-ewwel taqsima iżda dan hu tim li jħobb iħalli l-aħjar tiegħu għat-tieni 45 minuta — u, fil-fatt, r-Red Devils kisbu d-dro minn penalty ta’ Bruno FERNANDEZ (52) wara l-fawl ta’ Douglas Luiz fuq Paul Pogba.

Erba’ minuti wara United marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba meta Mason GREENWOOD dar ma difensur u sab ix-xibka minkejja t-tentattiv ta’ Emiliano Martinez biex isalva. F’nofs it-tieni taqsima Villa għajtu għal penalty wara li l-ballun deher jaħbat ma’ idejn Greenwood fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Luiz, iżda r-referi iddeċieda kontra wara konsultazzjoni mal-VAR. Intant, l-aħħar kelma kienet ta’ United meta s-sostitut, Edinson CAVANI (87), għeleb lil Martinez bir-ras fuq il-cross preċiż ta’ Marcus Rashford. Il-Villains spiċċaw il-logħba b’għaxra meta, sekondi mit-tmiem, tkeċċa Ollie Watkins għal simulazzjoni fil-kaxxa wara li spiċċa taħt pressjoni mill-gowlkiper Henderson. Man Utd issa jeħtieġu punt wieħed biss mill-erba’ logħbiet li fadlilhom għal tmiem il-kampjonat biex jaċċertaw mill-parteċipazzjoni fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej.

Arsenal kisbu rebħa ta’ 3-1 f’darhom kontra West Bromwich Albion, biex b’hekk dawn tal-aħħar ġew relegati mill-Prmeier League, biex l-istaġun li ġej se jkunu qed jilgħabu fiċ-Championship. Arsenal fetħu l-iskor fid-29 minuta meta wara azzjoni maħduma tajba, mill-cross ta’ Bukayo Saka, kien EMILE SMITH ROWE li mill-viċin kkonkluda fil-lasta għal 1-0. Sitt minuti wara Arsenal għamluwhom tnejn, meta minn azzjoni personali NICOLAS PEPE dawwar il-ballun fl-anglu tax-xibka u b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Sam Johnstone għal 2-0. Madankollu West Brom daħlu fil-partita fis-67 minuta meta fejn minn pass ta’ Conor Townsend, kien MATHEUS PEREIRA li b’xutt fil-baxx ikkonkluda għal ġewwa. Iżda fid-90 minuta Arsenal għalqu l-partita permezz ta’ free kick mill-isbaħ ta’ WILLIAN għal skor finali ta’ 3-1.

Gowl skurjat fil-ħin miżjud minn Morgan GIBBS-WHITE ikkonferma rebħa mistħoqqa għal Wolves, 2-1, fuq Brighton and Hove Albion – u meta ż-żewġ tims huma prattikament ħielsa minn kull inkwiet. Kienu Brighton li fetħu l-iskor minn Lewis DUNK (13) iżda l-logħba daret kmieni fit-tieni taqsima wara t-tkeċċija tal-istess Dunk ( għal fawl fuq Fabio Silva) — b’Wolves jiksbu d-dro kwarta mit-tmiem mis-sostitut Adama TRAORE wara li hu bidel il-ballun ma’ Silva fil-kaxxa. Intant, l-eroj tal-logħba kellu jkun Gibbs-White li skorja l-gowl deċiżiv – u l-ewwel wieħed tiegħu fil-Premier League – meta kollox kien qed jindika li ż-żewġ tims kienu se jikkuntentaw b’punt kull wieħed. Wara tmiem il-logħba, ir-referi Jon Moss keċċa lil Neal Maupay wara li l-attakkant ta’ Brighton beda jinsulenta lill-uffiċjal tal-logħba.

L-ambizzjonijiet ta’ West Ham United biex jikkwalifikaw għaċ-Champions League għall-ewwel darba fl-istorja sofrew daqqa ta’ ħarta kbira wara li sfaw megħluba f’darhom, 1-0, minn Everton. Il-gowl deċiżiv wasal minn Dominic CALVERT-LEWIN (21) li, wara li rċieva mingħand Godfrey, avvanza waħdu u għeleb lill-gowkiper Fabianski b’kalma kbira. West Ham marru viċin id-dro meta Coufal laqat il-lasta fit-tieni taqsima u Jarrod Bowen falla ċans tajjeb mir-rebound. Fl-aħħar ħinijiet Everton ukoll marru viċin minn header tas-sostitut Joshua King li stampa mal-lasta u fejn imbagħad huma kontrollaw ir-riżultat biex jaċċertaw mill-ħdax ir-rebħa mis-sbatax-il konfront li lagħbu s’issa barra minn darhom.

Il-Ġimgħa: Leicester v Newcastle 2-4 Ilbieraħ: Leeds v Tottenham 3-1, Sheff’ Utd v C’Palace 0-2
Man City v Chelsea 1-2, Liverpool v Southampton 2-0 Illum: Wolves v Brighton 2-1 Aston Villa v Man Utd 1-3, West Ham v Everton 0-1, Arsenal v West Brom 3-1 Għada Fulham v Burnley 9.00pm