Internazzjonali

Skozja: Rebħa għall-SNP tistimola l-kampanja għall-indipendenza

Save draftPreviewPublishAdd title

Il-Kap tas-Scottish National Party (SNP) Nicola Sturgeon qalet li ‘ma jista’ ikun hemm l-ebda ġustifikazzjoni demokratika’ għall-impenji biex jostakolaw vot għal Skozja indipendenti. Hi qalet dan wara li r-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva għall-SNP, li Sturgeon fissritha bħala ‘tragward storiku u straordinarju’.

Wara l-għadd tal-voti li ntefgħu jiem ilu fl-Iskozja ħarġet il-konferma li l-SNP kien falla mill-maġġoranza għal siġġu wieħed biss  u fejn irnexxielu jikseb 64 siġħu. Iżda l-fatt li telgħu wkoll sitt deputati tal-Partit tal-Ħodor ifisser li hemm xorta waħda maġġoranza ‘favur l-indipendenza tal-Iskozja’ fil-Parlament ta’ Holyrood.

Sturgeon qed tinsisti li r-riżultat tal-elezzjoni jagħti mandat ċar lill-Iskoċċiżi biex jivvutaw dwar jekk iridux jiffurmaw aktar parti mir-Renju Unit. Hi sostniet li dan għandu jseħħ ‘bħala r-rieda tal-Iskoċċiżi’ ladarba jgħaddi l-periklu tal-pandemija tal-coronavirus attwali.

Nicola Sturgeon ilha tinsisti għal referendum ieħor dwar l-indipendenza tal-Iskozja mindu r-Renju Unit ivvota biex iħalli l-Unjoni Ewropea fl-2016. Dan minkejja li 55 fil-mija tal-Iskoċċiżi, fl-2014, kienu vvutaw biex jibqgħu fir-Renju Unit waqt referendum storiku dwar l-indipendenza potenzjali ta’ pajjiżhom.