Lokali

Survey li jikkonferma li n-nies iridu partit magħqud u mġedded

Ir-riżultat tas-survey tal-Maltatoday li ħareġ illum jikkonferma kemm in-nies iridu li l-Partit Nazzjonalista jkun partit magħqud u mġedded. Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkompli jżid il-ħidma tiegħu biex jiġġedded u jibqa’ ffukat bla tfixkil sabiex ikun Gvern alternattiv b’politika li fiċ-ċentru tagħha hemm il-bniedem.

Is-survey juri li l-Prim Ministru Robert Abela għandu l-fiduċja ta’ 49.6% tal-poplu Malti filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għandu kważi 26%. Dan filwaqt li dawk li m’għanhom fiduċja f’ħadd minnhom jlaħħqu għal iktar minn 18%.

Kieku kellha ssir Elezzjoni Ġenerali llum, 44.8% jivvutaw lill-Partit Laburista filwaqt li 30% jagħtu l-vot tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Dawk li ma jafux kif jivvutaw jammontaw għal 12.2%, b’11.1% jgħidu li ma jridux jivvutaw.

46,5% ta’ dawk li ma vvutawx fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet iwieġbu li m’għandhom fiduċja fl-ebda wieħed mill-mexxejja tal-partit politiċi. Dan filwaqt li 43.4% ta’ dawk li ma vvutawx fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, jgħidu li ma jivvutawx kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali llum.