Coronavirus Lokali

Aktar Ministri ma jwieġbux jekk ħaddiema tagħhom qabżux lill-vulnerabbli għall-vaċċin

Aktar Ministri tal-Gvern qed jixħtu dubji fuq il-mod kif tmexxa l-proċess tat-tilqim f’pajjiżna.

Wara li ftit tal-jiem ilu l-Ministru Aaron Farrugia ma riedx jikkommetti ruħu jekk il-haddiema fil-Ministeru tiegħu kienux tlaqqmu qabel min kien imissu, issa anke l-Ministru Miriam Dalli qed tagħmel l-istess.

Staqsejna lill-Ministru responsabbli mill-Enerġija meta tlaqqmu l-ħaddiema fil-Ministeru tagħha. Iżda hi wieġbet li hi ma tistaqsix lill-ħaddiema fis-Segretarjat tagħha meta tlaqqmu għax dik informazzjoni personali.

L-istess għamel il-Ministru tal-Agrikoltura Anton Refalo, li wkoll ma riedx iwieġeb.

Dwar il-proċess tat-tilqim f’Għawdex kienu diversi dawk li tkellmu ma’ dan is-sit hekk kif bosta qalulna li f’post partikolari kien hemm persuni li.kienu qed jitlaqqmu skont l-appuntament u jidħlu minn bieb mod, filwaqt li persuni oħra li ma kienx imisshom it-tilqima bdew jidħlu minn bieb ieħor.

Madankollu il-Ministru Refalo prova jiċħad dan.

Ħafna jinsabu rrabbjati għall mod kif persuni li ma kienx imisshom, tlaqqmu qabel persuni vulnerabbli – l-aktar wara l-mewt ta’ Ivan Barabara, li jiem ilu sar magħruf li kien talab li jingħata l-vaċċin qabel mar l-Indja biex jaddotta tifla. Barbara spiċċa tilef ħajtu wara li ħakmu l virus tal-Covid propju meta kien l-Indja.