Lokali

Bżonn ta’ riforma mill-qiegħ tas-sistema tal-kuntratti tal-Gvern – Il-Kamra tal-Kummerċ

Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar id-direct order ta’ San Vinċenz kixef il-bżonn kritiku li jkun hemm riforma mill-qiegħ tas-sistema tal-kuntratti pubbliċi tal-Gvern.

Sostniet dan fi stqarrija il-Kamra tal-Kummerċ fejn saħqet li għandu jkun hemm level playing field għan-negozji kollha f’kull ħin. Il-Kamra tal-Kummerċ tinsisti li jkun hemm trasparenza sħiħa fejn jidħol il-public procurement tal-Gvern, u li tkun osservata l-governanza tajba.

Ir-rapport tal-NAO ikkonkluda li l-għoti ta’ €274 miljun b’direct order fuq il-proġett ta’ San Vinċenz kien wieħed illegali. Iżda kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru responsabbli mill-anzjani, qed jibqghu jiddefendu dan il-kuntratt skandaluz. Dan filwaqt li l-Pulizija ma skattat ebda investigazzjoni.

Il-Kamra tal-Kummerc fakkret li iktar kmieni din is-sena, ippubblikat rapport li jittratta riforma dwar kif il-Gvern u entitajiet pubbliċi jidħlu f’kuntratti għal prodotti u servizzi – dokument li kien jinkludi 35 rakkomandazzjoni.

L-istqarrija ttemm li l-public procurement jirrappreżenta parti importanti tan-nefqa tal-Gvern u parti sostanzjali ta’ opportunitajiet ta’ kummerċ għall-intrapriżi lokali.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li se tkompli tisħaq dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tagħha sabiex in-nefqa pubblika tal-Gvern ikollha sisien sodi fejn tidħol l-etika u l-kompetizzjoni ġusta.

Apparti li skont l-Awditur Ġenerali, il-kuntratt ta’ San Vincenz de Paul imur kontra l-liġi….l-istess kuntratt jorbot lill-Gvern biex ta’ kull sodda iħallas b’rata ta’ €118-il ewro, illi hija d-doppju ta’ kemm iħallas fil-homes privati. Dan il-kuntratt lanqas biss tela’ quddiem il-Kabinett.