Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Jonqsu l-każi attivi f’pajjiżna

Huma 11-il każi ġodda rreġistrati tul il-jum tat-Tnejn, bit-total ta’ każi ta’ Covid-19 irreġistrati f’pajjiżna minn Marzu 2020 issa qed jammontaw għal 30,458.

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa fiequ 23 persuna, bit-total ta’ mfejqa jkun dak ta’ 29,828.

Filwaqt li fortunatament, għar-raba jum konsekuttiv, il-Gżejjer Malta ma rreġistrawx fatalitajiet b’rabta ma’ dan il-virus qerriedi, it-total ta’ każi attivi kompla jonqos – biex issa qed jammonta għal 213.

Tul il-jum tal-Ħadd, it-total ta’ persuni li ħadu t-tieni doża tat-tilqima qed jammonta għal 121,185.

Intant il-jum tat-Tnejn fisser għal bosta raġġ ta’ dawl u bidu ċkejken lejn in-normalità li tant hawn għatx għaliha.

Dan hekk kif mill-10 ta’ Mejju r-ristoranti u snackbars reġgħu bdew jiftħu – minkejja li sal-ħamsa ta’ waranofsinhar u b’massimu ta’ 4 persuni fuq mejda waħda. Reġa’ fetaħ ukoll il-monti, il-klassijiet tad-duttrina kif ukoll tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex.