Lokali

Ġimgħa oħra għaddiet u dwar il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta bqajna ma smajna xejn

Għaddiet ġimgħa mid-data li fiha l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta, kienu mitlubin jippreżentaw lill-Unjoni Ewropea l-pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, li hu meħtieġ biex kull pajjiż jgħid kif beħsiebu jonfoq is-sehem tiegħu fir-Recovery and Resilience Facility, pakkett ta’ €672.5 biljun li l-istess Unjoni Ewropea qed toffri biex tgħin lill-pajjiżi tagħha joħorġu mill-effetti devastanti tal-pandemija ta’ Covid-19.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem għall-Fondi Ewropej Kevin Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li Malta mhux biss għadha ma ppreżentatx il-pjan tagħha, iżda lanqas nafu kemm dan fadallu biex jitlesta. Barra minhekk, il-Gvern Laburista ta’ pajjiżna jidher li għal raġunijiet li jaf hu biss, qed iżomm lil kulħadd, inkluż lill-Partit Nazzjonalista fl-għama dwar kif qed jaħdem u lil min qed jikkonsulta.

Dan meta suppost li għall-kuntrarju, qed jikkonsulta mal-aktar firxa wiesgħa possibli tas-soċjetà, inkluż il-Parlament Malti. Fil-każ ta’ pjan daqstant kbir u importanti għal Malta, il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd hi fundamentali biex dan il-pjan ikun ta’ bilħaqq jolqot il-bżonnijiet tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista bħal donnu qed jikkonsla bil-fatt li bħalna, xi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għad ma ppreżentawx il-pjan tagħhom. Dan bl-ebda mod mhu ġustifikat għax li tikkonsla għax oħrajn naqsu bħalek, hu raġunament ħażin.

Dan jistona ħafna wkoll ma’ dak li priedka l-Gvern Laburista, li jrid lil Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa. Għall-Partit Nazzjonalista, id-dewmien biex Malta tippreżenta l-pjan tagħha lill-Unjoni Ewropea mhux aċċettabbli għax dan ifisser biss aktar dewmien biex il-pjan jiġi approvat u biex Malta tibda tirċievi l-fondi li tant teħtieġ.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-importanza tal-Unjoni Ewropea għal Malta u grazzi għall-vizjoni tiegħu li jsieħeb lill-pajjiż magħha, qed jagħtina l-opportunitá li ngawdu minn fondi Ewropej bħal dawk tar-Recovery and Resilience Fund.

Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jiddikjara li lest jagħti l-kontribut kollu tiegħu biex jitfassal il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza għal Malta għax jifhem l-importanza fundamentali tiegħu u allura jħeġġeġ lill-Gvern biex jagħmel il-parti tiegħu wkoll u minnufih jiftaħ għall-konsultazzjoni kollha meħtieġa.