Lokali

Il-Ministru Abela ma jiftakarx jekk interrogawhx jew le b’rabta mal-hold up tal-HSBC

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, kien fost l-impjegati tal-bank HSBC li kellhom aċċess għat-tagħmir ta’ sigurtà li joħolqu l-key cards, l-istess key cards li allegatament intużaw waqt il-hold up lura fl-2010.

Hekk irrapporta t-Tnejn filgħodu l-ġurnal Times of Malta fejn ġie spjegat li fl-2011 Abela ġie mgħajjat biex jixhed rigward l-aċċess li kellu għal dan it-tagħmir, magħruf aħhar bħala l-Cotag machine. Ġie spjegat ukoll li waqt din ix-xhieda, li saret bil-bibien magħluqin wara talba li saret mill-istess membru parlamentari Laburista, Abela ikkonferma li kien jagħmel użu minn din il-magna.

Minkejja dan fl-aħħar jiem meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Carmelo Abela ma ċaħadx li qatt ġie interrogat b’rabta ma’ din is-serqa, iżda saħan kollu aq sempliċiment li ma jiftakarx u insista l-innoċenza tiegħu.

Dan kollu wara li s-suspettati eżekuturi tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-aħwa George u Alfred Degiorgio – flimkien mar-raġel li ammetta l-parteċipazzjoni tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista – Vincent Muscat, qed jitolbu maħfra presidenzjali u jinsistu li lesti jikxfu l-ismijiet ta’ eks Ministru u Ministru preżenti fil-Kabinett ta’ Robert Abela li pparteċipaw f’hold up li seħħet snin ilu.

Times of Malta tirrapporta li Vince Muscat stqarr mal-investigaturi kif fis-serqa li seħħet fl-2010, il-ħallelin kienu ngħataw numru ta’ cards tas-sigurtà minn kompliċi s’issa mhux identifikat – cards li kienu jgħadduhom minn segwenza ta’ bibien sal-control room tal-bank.

Ħdax-il sena ilu, Abela kien jaħdem bħala uffiċjal tal-assigurazzjoni u statistika fi ħdan id-dipartiment tas-sigurtà tal-HSBC.