Lokali Parlament

Il-pajjiż jeħtieġ jibni ekonomija ġdida

Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech appella biex il-pajjiż jibda’ jibni ekonomija ġdida u sostna li dan hu l-mument li s-setturi kollha jaqblu bejniethom biex ma jkunx hemm konfronti li joħolqu nċertezzi.

Fil-parlament Claudio Grech qal li l-ispiża tal-gvern żdiedet b’mod fenominali minħabba l-pandemija u l-inizjattivi li qed jieħu l-gvern. Hu sostna li n-natura straordinarja ta’ din l-ispiża għandha bżonn l-appoġġ biex il-pajjiż ikompli jgħin lis-setturi li għandhom bżonn fosthom is-settur soċjali u dak ekonomiku.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jekk l-ekonomija ma tirkuprax, il-problemi se jkunu ta’ ħsara kbira. Id-dinja se toħroġ minn din il-kriżi, sostna Claudio Gerch, li qal li l-pajjiż irid jipprepara għal meta jibda l-irkupru. Claudio Grech kompla li l-bilanċ fiskali hu ta’ importanza li għandu jkun rikonoxxut flimkien mad-dixxiplina fiskali biex il-pajjiż jerġa’ jiġġenera l-ġid ekonomiku.


Għalhekk il-previżjonijiet għandhom ikunu tajbin, sostna Claudio Grech, li staqsa jekk hu stmat li se jkun id-deficit għal din is-sena. L-istima tad-deficit kienet ta’ €750 iżda fl-ewwel kwart tas-sena diġà laħaq €550 miljun.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-ħaddiema għandhom il-kapaċità li jiġġeneraw l-ekonomija u sostna li dan hu żmien perfett biex il-pajjiż jidentifika setturi ġodda u jitpoġġew is-sisien ta’ dawn is-setturi biex dan jikbru.


Claudio Grech kompla li fil-bejgħ tal-passaporti, il-prezz li l-pajjiż ħallas għad-dħul kien wieħed negattiv; l-istess kif sar fil-block chain. It-trasformazzjoni tal-ekomonija għandha tkun maqbula bejn is-setturi kollha biex jingħata l-messaġġ lill-investituri li dan il-proċess mhux se jkun is-suġġett ta’ kritika u konfronti politiċi.


Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-gvern iġib il-pjan ta’ rkurpu għax dan kellu jidħol diġà għand l-UE; din hi opportunità biex tinżera’ ż-żerriegħa tas-setturi ekonomiċi ġodda. Il-pajjiż jeħieġ jibda jippjana l-ekonomija l-ġdida tal-pajjiż, sostna d-deputat Nazzjonalista.