Internazzjonali

It-Taljani jistgħu jneħħu l-maskli ladarba jitlaqqmu 30 miljuni kontra l-Covid

Is-Sottosegretarju tas-Saħħa Taljan Pierpaolo Sileri qal li l-Italja tista’ tasal f’sitwazzjoni fejn il-poplu ma jkollux għalfejn jilbes aktar il-maskla tal-wiċċ ladarba 30 miljuni — madwar nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż — jitlaqqmu kontra l-Covid-19.

Sileri qal li jaqbel li l-maskli jitneħħew fuq barra ladarba 30 miljun Taljan jingħataw almenu l-ewwel doża tal-vaċċin għalkemm sostna li jkun anki prudenti li persuna terġa’ tilbes maskla fuq barra f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm il-folol –u għaldaqstant riskju mill-virus. L-istess Sottosegretarju hu wkoll favur li l-kumplessi kummerċjali fl-Italja jiftħu mill-ġdid bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd.

‘Ladarba proteġejna lill-aktar membri vulnerabbli tal-popolazzjoni ( bit-programmi tat-tilqim) hu ċar li ċ-ċentri kummerċjali u l-ħwienet għandhom ikomplu bl-attivitajiet tagħhom f’sitwazzjoni fejn ir-regoli tas-sanità jibqgħu rispettati,’ ikkonkluda Pierpaolo Sileri