Lokali Parlament

Jean Claude Micallaf jitlob skuża lil Mario de Marco; kwotah ħażin fil-parlament

Id-deputat Laburista Jean Claude Micallef talab skuża lid-deputat Nazzjonalista Mario de Marco wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling li fih iddikjara li d-deputat Laburista ma kienx ikkwota korrettament lill-istess deputat Nazzjonalista.

Il-każ jitratta d-dikjarazzjoni li kien għamel id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco fuq NET TV u li dwarha d-deputat Laburista Jean Calude Micallef kien poġġa clip fuq il-mejda tal-Kamra.

Fi programm fuq NET TV, id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco kien qal li jekk ma jittieħdux il-passi neċessarji Malta tista’ titpoġġa fuq il-lista l-griża tal-Moneyval. Fil-parlament id-deputat Laburista Jean Claude Micallef kien ippreżenta clip li fiha tħalliet barra l-parti li fiha Mario de Marco kien qal “jekk ma jittieħdux il-passi neċessarji”. Mario de Marco kien insista li d-deputat Laburista kien qed jikkowtah ħażin u talab ruling mingħand l-Ispeaker.

Fir-ruling dwar dan, is-Sedja qalet li l-clip ppreżentata mid-deputat Laburista Jean Claude Micallef ma kienitx waħda kompleta u għalhekk ma tagħtix stampa korretta ta’ dak li qal id-deputat Nazzjonalista.

L-Ispeaker qal li fil-fatt il-clip ppreżentata mid-deputat Laburista kienet tħalli parti mid-diskors ta’ Mario de Marco u għalhekk talab lid-deputat Laburista Jean Claude Micallef biex jagħmel apoloġija lil Mario de Marco.

Id-deputat Laburista Micallef qal li hu dejjem kellu rispett lejn Mario de Marco u lejn il-familja tiegħu u jiskuża ruħu ma kellux ħin jippreżenta l-clip kollha. Jean Claude Micallef qal li ma kellux il-ħin jippreżenta l-clip kollha.