Lokali

Justyne Caruana dejjem aktar skomda b’mistoqsijiet dwar Bogdanovic

Skomda immens. Hekk tkun il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana meta ġurnalist jistaqsiha dwar ir-rwol ta’ Daniel Bogdanovic fis-Segretarjat tagħha.

Wara li ftit tal-ġimgħat ilu ppruvajna niehdu l-kummenti ta’ Caruana hi u dieħla Kastilja, issa ppruvajna nistqsuha dwar l-impjieg tal-ħabib speċjali tagħha wara konferenza tal-aħbarijiet.

Iżda wara li l-ġurnalisti għamlu kważi nofsiegħa jistennew taħt ix-xemx tiżreġ tas-sagħtejn ta’ waranofsinar biex tibda l-konferenza – minħabba li l-Ministru waslet tard – Caruana ppurvat tevita l-mistoqsijet dwar Bogdanovic u ħarbet mill-ġurnalisti.

Minkejja li l-Ministru ppruvat tiċħad li Bogdanovic għadu impjegat fil-Ministeru tagħha, sorsi infurmati fil-jiem li għaddew żvelaw ma’ NET News li l-plejer-coach ta’ Għajnsielen FC Daniel Bogdanovic għadu impjegat fis-Segretjat tal-Edukazzjoni, immexxi mill-istess Ministru Justyne Caruana.

Barra minn hekk, bosta huma dawk li qalu li l-eks plejer tat-Tim Nazzjonali ikun il-ħin kollu l-Ministeru … anke wara li twaqqaflu fl-aħħar xahar il-kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar għal konsultazzjoni mal-iskejjel, u kif hu jattendi anke għal laqgħat formali tal-Ministru ma’ diversi entitatjiet u individwi..

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront tal-Ministru Caruana wara li Bogdanovic ingħata kuntratt skandaluż fis-Segretarjat tagħha, minkejja li waqqaflu l-kuntratt fl-aħħar xahar tiegħu.