Knisja Lokali

L-Arċisqof jikkritika l-legalizzazzjoni tal-ħaxixa

Nafu xi rridu meta – bħala pajjiż – qed naħdmu biex il-kannabis issir legali? Persważi li din hi l-aħjar triq? Hekk staqsa l-Arċisqof Charles J. Scicluna matul l-Omelija li wassal fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca, mis-sede tas-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. fil-Blata l-Bajda.

Il-Kap tal-Knisja f’Malta rrefera għal din l-isfida meta fakkar fil-ħidma li – matul ħajtu – Dun Ġorġ għamel fost iż-żgħażagħ. Għaldaqstant, hu staqsa jekk Dun Ġorġ kienx jaċċetta li ż-żgħażagħ tagħna jingħataw dik li sejjaħ bħala rikreazzjoni f’forma ta’ velenu.

Monsinjur Scicluna qal li Dun Ġorġ kien jinsisti li għandna bżonn nieħdu ħsieb xulxin. Għaldaqstant, hu appella biex nimxu id f’id flimkien quddiem l-isfidi tal-ħajja. Il-Kap tal-Knisja f’Malta qal li għandna nitolbu l-interċessjoni ta’ Dun Ġorġ biex neħilsu minn din il-pandemija b’wiċċ il-ġid. Iżda ma nistgħux neħilsu mill-pandemija jekk fid-dinja kollha ma naħdmux id f’id.

Normalment, ħajjet San Ġorġ Preca tiġi ċċelebrata fid-9 ta’ Mejju. Madankollu, minħabba li dan il-jum ħabat f’Ħadd li jaqa’ fil-perijodu tal-Għid, din is-sena l-festa kellha tiġi ċċelebrata l-għada.

Dun Ġorġ Preca kien twieled il-Belt fit-12 ta’ Frar 1880 u kien is-seba’ minn disat aħwa. Aktar tard, il-familja marret il-Ħamrun. Fl-1907, hu waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija – magħrufa aktar bħala l-M.U.S.E.U.M – flimkien ma’ għadd ta’ Katekisti oħrajn, fosthom Ewġenju Borg.

Dun Ġorġ miet fis-26 ta’ Lulju 1962 u 13-il sena wara hu ngħata t-titlu ta’ Qaddej ta’ Alla mill-Papa Pawlu VI, filwaqt li fl-1999 kien iddikjarat bħala Venerabbli. 20 sena ilu, fid-9 ta’ Mejju 2001, il-Papa Ġwanni Pawlu II ibbeatifikah, filwaqt li fit-3 ta’ Ġunju 2007, hu kien kanonizzat mill-Papa Benedittu XVI fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.