Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: L-ebda ordnijiet tal-vaċċin AstraZeneca għal wara Ġunju

L-Unjoni Ewropea ma għamlitx ordnijiet ġodda għall-vaċċini tal-Astra-Zeneca għal wara Ġunju — iż-żmien meta jintemm il-kuntratt attwali. Dan qalu Thierry Breton, il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern,wara li l-UE iffirmat kuntratt mal-Pfizer-BioNTech. Intant, Breton qed jistenna li l-ispejjeż tal-vaċċin tal-Pfizer għandhom ikun ogħla minn tal-versjonijiet preċedenti.

Il-Kummissjoni Ewropea, matul ix-xahar li għadda, bdiet azzjoni legali kontra l-AstraZeneca talli l-kumpanija ma rispettatx il-kuntratt għall-proviżjoni tal-vaċċini kontra l-Covid. L-istess kumpanija kienet akkużata wkoll dwar ‘nuqqas ta’ pjan konkret’ biex taċċerta li l-kunsinni tal-vaċċini jaslu lill-pajjiżi fiż-żmien stabbilit.

Intant, Breton — filwaqt li kkonferma li l-UE ma ġedditx l-ordinijiet tat-tilqima tal-Astra għal wara Ġunju — mhux jeskludi li l-Unjoni, ‘il quddiem, kapaċi tidħol f’xi kuntratt ġdid għal dan il-vaċċin Anglo-Żvediż . Fl-istess ħin, ir-Regolatur Ewropew tal-Mediċini qed jirrevedi rapporti dwar effetti rari fuq in-nervaturi tal-ġisem fost in-nies li jingħataw it-tilqima tal-Astra.

Filwaqt li r-regolatur kompla jinsisti li l-benefiċċji tat-tilqima bil-vaċċin tal-AstraZeneca huma ħafna akbar mill-element ta’ sogru potenzjali, diversi pajjiżi Ewropej qed jillimitaw id-dożi b’dan il-vaċċin għall-aktar persuni avvanzati fl-età, u meta hemm ukoll l-Istati li waqfu kompletament milli jużaw l-AstraZeneca.