Lokali Qorti

Mixli li fera ħafif Kuntistabbli tal-Pulizija

Żagħżugħ ta’ 28 sena, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li nhar il-Ħadd li għadda wara nofs inhar fera ħafif kuntistabbli tal-Pulizija fil-Mellieħa, kif ukoll li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina.

Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati li attakka u għamel reżistenza fuq il-Kuntistabbli, li ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba l-effetti tad-droga u li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.

L-Avukat Franco Debono, li flimkien mal-Avukati Marion Camilleri u Francesca Zarb dehru għall-akkużat, għamel talba għal-libertà proviżorja, li minkejja li sabet oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni kienet milqugħa mill-Qorti fuq depożitu ta’ 500 ewro u garanzija personali ta’ 3,000 ewro, kif ukoll li jmur jiffirma kull ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino.