Lokali Qorti

Mixli li hedded lil ommu b’xabla

Raġel ta’ 39 sena, li qed jgħix bil-pensjoni tal-invalidità baqa’ miżmum il-ħabs wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Dorenne Clarke li nhar il-Ħadd li għadda u qabel kien involut f’każijiet ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ ommu li għandha 70 sena, u li heddiha b’arma li taqta u bil-ponta, dik li kienet xabla.

Ir-raġel li tressaq mill-Ispettur Audrey Micallef wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fosthom li kkaġuna biża lil ommu li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha u li r-reat ta’ theddid  b’arma sar ripetutament. Huwa ġie mixli li l-aħħar darba li wettaq dawn ir-reati fil-Ħamrun, kien bejn is-6.00am u t-8.00am.

Ġie mixli wkoll li insulenta u ta fastidju lil ommu u li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazzjoni u li kkommetta reat waqt ordni ta’ probation, liema sentenza kienet ingħatat mill-Qorti tal-Maġistrati fi Frar li għadda. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ ommu u l-familjari tagħha, filwaqt li f’dan l-istadju l-Avukat Charles Mercieca li qed jidher għall-akkużat m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest.