Lokali Parlament

Proposta għal fond biex jinxtraw mill-gvern il-każini tal-baned li huma tal-privat

Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi appella biex il-gvern joħloq fond li permezz tiegħu jixtri l-każini tal-baned li se jkunu żgumbrati, jħallas il-prezz tas-suq lis-sidien u jikri lis-soċjetajiet bi prezz mhux kummerċjali.

Fl-Aġġornament d-deputat Nazzjonalista kompla li l-ordni tal-qorti trid tkun rispettata u sostna li dan il-każ għandu iktar minn 500 membru u eluf ta’ partitarji. Hu sostna li l-każini tal-baned huma ħolqa elementari fil-ħajja tar-raħal u appella biex issir kemm ġustizzja mas-sidien kif ukoll mal-partitarji.

Dan il-każin ilu fil-pjazza 75 sena u hu bejta ta’ kreattività, sostna Jason Azzopardi, li qal li l-gvern sab €2 għall-inkjesta Egrant, €7.5 miljuni biex saret l-inkjesta dwar il-Pilatus u €275 miljun f’kuntratt illegali f’San Vinċenz u għalhekk għandu jsib €1.6 miljun biex il-gvern jixtri mingħand is-sidien il-każin tal-banda Kristu Re.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi appella biex isir fond li minnu l-gvern iħallas il-prezz kollu tas-suq u l-gvern jagħmel kuntratt ta’ ċens fit-tul għal 99 sena b’rata mhux kummerċjali.

Jason Azzopardi sellem il-memorja tal-ex President ta’ Hibernians FC Tony Bezzina u appella biex isirlu monument fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid viċin il-Każin tal-Hibernians. Tony Bezzina kien missier għal ħafna nies, sostna Jason Azzopardi, li tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-Każin tal-Banda Kristu Re li għandu mannara ta’ giljottina biex ikun żgumbrat.