Lokali Qorti

12-il xahar ħabs u multa ta’ €1,300 fuq kokaina u li fera ħafif Pulizija

Raġel ta’ 29 sena mill-Birgu ġie kundannat 12-il xahar u mmultat €1300 mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab ħati li r fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Ġunju 2012 u fil-jiem ta’ qabel kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina, f’ċirkostanzi li juru li din ma kinitx għal użu personali tiegħu.

Huwa nstab ħati li wettaq dan ir-reat f’bar fil-Gżira u nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu oġġetti relatati mad-droga u li ħebb għall-Pulizija, b’wieħed minnhom isofri minn ġrieħi ħfief.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ma sabitx lil Ryan Refalo ħati li kellu d-droga mhux għal użu personali tiegħu u li kkommetta l-imsemmi reat ġewwa distanza ta’ 100 metru mill-perimetru ta’ skola, club jew ċentru taż-żgħażagħ jew xi post ieħor fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

L-Ispettur Johann J. Fenech qal fil-Qorti li kien irċieva informazzjoni dwar traffikar tad-droga f’bar fil-Gżira. Minn stħarriġ li sar irriżulta illi dan kien bar quddiem l-istadium l-antik, li fih l-imputat kien jaħdem bħala ‘substitute’.

Peress li skont l-informazzjoni li kellu, it-traffikar kien jibda tard bil-lejl, fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Ġunju 2012, huwa bagħat pulizija mill-Iskwadra kontra d-Droga, sabiex jagħmlu osservazzjoni kemm tal-post, kif ukoll tal-imputat innifsu. L-imsemmija Uffiċjali tal-Pulizija raw lill-imputat dieħel fil-bar għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, u għalhekk, fuq skorta ta’ mandat ta’ tfittxija u arrest, daħlu ġewwa sabiex jagħmlu tfittxijiet.

Skont ix-xhud, l-ewwel daħal fil-bar kien Surġent tal-Pulizija, li identifika ruħu mal-imputat, f’liema waqt l-imputat beda jissara miegħu u pprova jaħrab. Ħin minnhom l-imputat prova jdaħħal idu fil-but, iżda ġie miżmum u fil-fatt ġie mwaqqaf ftit ‘il barra mill-bank tal-bar, quddiem ‘juke box’, ħdejn mejda tas-snooker.

Refalo baqa’ jissara mal-pulizija, sakemm finalment ġie miżmum, imwaqqaf u mmanettjat. Mal-art, fil-post fejn ġie mwaqqaf l-imputat, instabet borża tal-plastik li fiha kien hemm xi pakketti bi trab abjad suspettat droga. Skont ix-xhud, fil-post fejn ġie mwaqqaf Refalo, ma kienx hemm persuni oħrajn.

Lanqas ħdejn il-‘juke box’ ma kien hemm ħadd, għaliex il-persuni kollha li kien hemm fil-bar, kienu qegħdin jixorbu n-naħa l-oħra tal-bank tal-istess bar.Il-Qorti qalet li huwa evidenti illi li kieku l-imputat ma kellu xejn illegali fil-pussess tiegħu jew ma kellu xejn x’jaħbi, ma kienx jirreaġixxi b’dak il-mod, tant illi mhux biss prova jaħrab, iżda baqa’ jissielet mal-pulizija għal tul ta’ ħin, sakemm finalment ikkalma u mmanettjawh.

L-imputat ikkalma proprju għaliex laħaq ħeles mid-droga. Il-Qorti qalet li ma tistax ma tirrilevax ukoll illi din kienet reazzjoni li l-istess imputat reġa’ rrepetiha iżjed tard matul il-lejl meta fil-vettura Hyundai Accent instab miżien elettroniku b’traċċi ta’ droga kokaina fuqu. Anke hawn l-imputat telaq jiġri bil-miżien b’kollox sabiex jipprova jeħles minnu u remieh fejn instab sussegwentement, f’parapett fl-istess triq.

F’dan il-kuntest, il-Qorti qed tqis ukoll illi d-droga nstabet proprju fejn twaqqaf l-imputat u li dak il-ħin, hemmhekk ma kien hemm ħadd iżjed, għajr l-istess imputat u l-pulizija. Tqis ukoll illi kuntrarjament għal dak li jgħid hu ripetutament, jirriżulta mix-xhieda tal-Uffiċjali kollha tal-Pulizija li xehdu, illi d-droga in kwistjoni ma nstabitx wara l-juke box, iżda ħdejha.

Barra minn hekk lanqas ma saret xi tfittxija intensiva bit-torches sabiex tinstab din id-droga, kif ipprova jagħti l-impressjoni hu, iżda d-droga instabet immedjatament u t-torches intużaw biss għaliex dik il-parti tal-bar kienet iżjed mudlama.

Għalkemm ħadd mill-Uffiċjali tal-Pulizija preżenti ma ra lill-imputat jarmi jew jitfa’ l-borża in kwistjoni fejn din eventwalment instabet, tqis madankollu, illi f’dawn iċ-ċirkostanzi kien biss b’kumbinazzjoni illi wara taqbida li tkaxkret għal ftit metri, il-pulizija kellha twaqqaf lill-imputat proprju fejn instabet il-borża in kwistjoni.

Il-Qorti qalet li tqis illi mill-mod kif żvolġew il-fatti, jirriżulta sodisfaċentement ippruvat illi l-imputat kien fil-pussess tal-istess borża u illi huwa pprova jiddisponi minnha u effettivament iddispona minnha qabel din instabet mill-pulizija fuq il-persuna tiegħu. Għaldaqstant d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Jirriżulta wkoll li waqt it-tfittxijiet illi saru, il-pulizija sabu sikkina wara l-bar, flick knife fil-vettura tal-għamla Toyota Vitz u flick knife oħra fil-vettura tal-għamla Hyundai Accent. Jirriżulta mix-xhieda tas-Surġent Oscar Baldacchino illi t-tfittxija ġewwa l-vettura tal-marka Toyota Vitz, fejn instabet flick knife, saret peress li din kienet qed tiġi wżata mill-imputat.

Biss jirriżulta li l-imputat kien jagħmel użu wkoll minn vettura oħra Hyundai Accent, tant illi ċ-ċwievet tagħha nstabu fil-pussess tiegħu u fiha kif ingħad iżjed ‘il fuq, kien hemm borża b’miżien li l-imputat kien jaf bih Jirriżulta wkoll illi l-vettura Toyota Vitz kienet reġistrata fuq missier l-istess imputat.

Għaldaqstant, mill-fatt illi fil-lejl in kwistjoni l-imputat għamel użu minn din il-vettura ma jfissirx neċessarjament li huwa kien konxju tal-fatt li din il-‘flick knife’ kienet tinsab fiha. Dan qed jingħad b’mod partikolari għaliex fix-xhieda tagħhom, il-pulizija lanqas ma jgħidu fejn instabet l-istess flick knife.

Mill-banda l-oħra, m’hemmx dubju dwar il-konotazzjoni bejn l-imputat, il-vettura Hyundai Accent u l-oġġetti misjuba fl-istess vettura, inkluż għalhekk il-‘flick knife’ li nstabet fiha. Għaldaqstant, l-akkuża kienet ippruvata. Huwa nstab ħati wkoll li ħebb u rreżista lill-uffiċjali tal-Pulizija, bil-Qorti tgħid li kien proprju dan l-iskop tar-reazzjoni tal-imputat biex ifixkel u jtellef it-tfittxija għad-droga, u dan sabiex ma tinstabx fuqu d-droga li huwa kellu fil-pussess tiegħu.

Jirriżulta daqstant ċar illi l-imputat mhux biss offra reżistenza, iżda wkoll illi għamel dan permezz tal-użu tal-forza. Fil-fatt huwa kkaġuniu feriti fuq il-Kuntistabbli Trevor Cassar Mallia, iżda mhux fuq il-Kuntistabbli Carmen Gauci. Huwa nstab ħati wkoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Johann J. Fenech.