Coronavirus Lokali Saħħa

6 każi ġodda ta’ COVID-19; il-każi attivi jkomplu jonqsu

6 każi ġodda – ebda fatalità – jonqsu l-każi attivi – Huma dawn l-aħħar aħbarijiet pożittivi dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 f’pajjiżna… aħbarijiet pożittivi li jkomplu jaslu minn ġurnata għall-oħra wara 14-il xahar li kienu diffiċli ħafna għan-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin.

Dan meta, fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna kienu rreġistrati 6 każi ġodda ta’ Coronavirus filwaqt li fiequ 15-il persuna biex b’hekk il-każi attivi komplew jonqsu, u issa huma 204.

Dawn in-numri, li huma fost l-inqas li rajna sa mis-Sajf tas-sena li għaddiet, joħorġu minn fost 1,600 swab test li saru fl-aħħar 24 siegħa.

B’xorti tajba, fl-aħħar sigħat ħadd ma tilef ħajtu bil-Coronavirus biex b’hekk it-total ta’ fatalitajiet baqa’ jammonta għal 417. Din kienet ir-raba’ ġurnata konsekuttiva li ħadd ma tilef ħajtu bil-virus f’pajjiżna.. fattur pożittiv li iżda xorta ma jnaqqas xejn mid-diffikultà li ġabet magħha l-pandemija speċjalment għal dawk il-familji li tilfu l-għeżież tagħhom.

Fl-aħħar sigħat, l-ammont ta’ persuni mlaqqma b’mod sħiħ għall-kontra l-virus żdied b’2,658 hekk kif qed ikomplu jitlaqqmu aktar persuni ta’ ‘l fuq minn 30 sena fejn issa qed tkompli tikber l-aspettattiva tal-persuni ta’ taħt t-30 sena biex anke jasal ċ-ċans tagħhom biex jingħataw dan il-vaċċin.