Internazzjonali

Appelli għall-kalma fost il-kriżi ta’ Ġerusalemm

L-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit qed jappellaw għall-kalma wara jiem konsekuttivi ta’ ġlied bejn il-Palestinjani u l-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani f’Ġerusalemm. F’din is-sitwazzjoni, żdiedu wkoll l-attakki ta’ ritaljazzjoni mill-qawwiet Iżraeljani u l-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza.

Il-militanti, mill-bidu tal-ġimgħa, sparaw mijiet ta’ missili lejn Iżrael fejn indarbu talanqas 30 ċittadin. L-Iżraeljani rritaljaw bl-attakki mill-ajru kontra Gaza fejn laqtu għexieren ta’ miri tal-militanti, fost il-qtil ta’ diversi Palestinjani.

Il-grupp tal-militanti Palestinjani Hamas – li jikkontrolla Gaza – qal li qed jiddefendi l-moskea al-Aqsa ta’ Ġerusalemm ‘mill-aggressjoni tal-Iżraeljani’. Dan wara li fl-aħħar jiem, ma waqfitx il-vjolenza bejn il-pulizija Iżraeljana u l-Palestinjani fl-inħawi tal-moskea u li fiha indarbu l-mijiet tan-nies.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, issa, qal li l-Hamas ‘qabeż kull limitu’ bl-isparar tal-missili lejn Ġerusalemm. Il-bumbardament kien l-ewwel ta’ dan it-tip għal diversi snin, b’Ġerusalemm, fl-aħħar jiem, jgħaddi mill-agħar vjolenza mill-2017 ‘il hawn. Intant, Netanyahu qed jhedded li pajjiżu lest iwieġeb lill-għadu ‘b’forza tremenda’ matul il-jiem li ġejjin.