Internazzjonali

Covid-19: Il-varjant tal-Indja ‘għandu jħasseb lid-dinja’

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikklassifikat il-varjant tal-coronavirus li nstab is-sena l-oħra fl-Indja bħala ‘element li għandu jħasseb lin-nies tad-dinja’. Dan meta l-istudji preliminari urew li l-firxa tal-varjant ‘B.1.617’  kapaċi taqbad ritmu ħafna akbar fost in-nies minn ta’ kull varjant ieħor u meta jinħtieġu aktar studji li jistgħu jitfgħu aktar dawl fuq il-fenomenu.

Il-varjant Indjan tal-coronavirus diġà nfirex lejn aktar minn 30 pajjiż waqt li tliet varjanti oħra tal-virus – mir-Renju Unit, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel — ukoll jinsabu taħt analiżi kontinwa.

Fl-istess ħin, il-varjant Indjan issa qed jitqies bħala ‘element ta’ tħassib’ aktar milli bħala ‘element ta’ interess’. Dan fost indikazzjonijiet li l-varjant inkwistjoni qed juri li kapaċi jkun trasmess aktar malajr minn bniedem għall-ieħor waqt li jikkaġuna mard aktar serju fil-pazjent. Il-varjant, fl-istess ħin, hu aktar dispost li jirreżisti lill-antibodies tal-ġisem waqt li  kapaċi wkoll jimminimizza l-effett tal-vaċċini li ġew żviluppati għal kontra l-Covid.

Issa l-varjant Indjan qed ikun studjat biex isir magħruf jekk kienx, fil-fatt, l-ispinta ewlenija għall’mewġa tal-imwiet’ attwali fl-Indja. Dan meta l-awtoritajiet f’dan il-pajjiż bilkemm jistgħu jlaħħqu mal-każi u l-imwiet dovuti għall-virus, bl-isptarijiet qed jiffunzjonaw taħt piż terribbli. Is-sitwazzjoni hi tant li ‘ma jistgħux isiru biżżejjed proċessi ta’ kremazzjoni (għall-katavri tal-vittmi)’ fl-ibliet prinċipali tal-Indja, fosthom New Delhi.

L-Indja, nhar it-Tnejn, irrappurtat mat-367,000 infezzjonijiet ġodda u viċin l-4,000 mewta oħra ( għal perjodu ta’ 24 siegħa) mill-coroanvirus.

Intant, l-esperti qed jgħidu li ċ-ċifri u l-istatistika ‘preċiża’ dwar il-vittmi tal-Covid fl-Indja kapaċi jkunu ħafna ogħla minn dawk li qed ikunu rappurtati.

L-ispinta kontinwa fil-każi tal-coronavirus  u l-varjanti tiegħu fl-Indja tfisser li l-pajjiż għadu jbati min-nuqqas ta’ provvisti tal-ossiġinu. Il-problema tidher li nfirxet anki ‘il hinn minn Delhi – il-kapitali tal-Indja – u lejn bnadi oħra tal-pajiż.

L-istampa fl-Istat Indjan ta’ Andhra Pradesh irrappurtat li talanqas 11-il pazjent tal-Covid mietu ‘f’lejl wieħed’ fil-belt ta’ Tirupati wara li dam ma jasal tanker li kien qed jissupplixxi lill-isptar lokali bl-ossiġinu.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Indjan qal li hemm ‘indikazzjonijiet’ ta’ rabta bejn il-varjant tal-Indja u t-tieni mewġa qattiela tal-coronavirus fil-pajjiż – iżda għal uħud, din il-konnessjoni ‘għadha mhix ikkonfermata mija fil-mija’.