Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs u multa fuq 98 pillola ecstacy

epa04964856 An ecstasy pill, with the logo of the Amsterdam Dance Event (ADE) is seen in Utrecht, The Netherland, 05 October 2015. According to the Trimbos Institute, the Netherlands Institute for Mental Health and Addiction (NIMHA), these tablets may contain excessively high doses of MDMA and are therefore dangerous. The Amsterdam Dance Event will take place from 14 till 18 October. EPA/ROBIN VAN LONKHUIJSEN

Raġel ta’ 37 sena minn Ħal-Qormi ġie kundannat disa’ xhur ħabs u mmultat €1,500 mill-Maġistrat Natasha Gaea Sciberras wara li nstab ħati li kellu 98 pillola ecstacy. Aaron Azzopardi inqabad bid-droga meta kien f stabbiliment ġewwa Paceville fl-14 ta’ April tal-2013 bejn is-sagħtejn u t-tlieta ta’ filgħodu.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li ma hemm l-ebda dubju illi l-ammont ta’ 19-il pillola ecstasy li nstabu fuq il-persuna tiegħu ġewwa l-istabbiliment, mhuwiex ammont ta’ pilloli li normalment wieħed jassoċjah ma’ użu personali, aħseb u ara meta fil-vettura li kienet qed tintuża minnu kellu ammont ieħor ta’ 79 pillola.

Fl-istqarrija tiegħu qal li huwa kien mar Paceville waħdu għall-ħabta tal-11.00 p.m. u f’xi ħin daħal fi stabbiliment biex jieħu drink, u twaqqaf mill-pulizija għall-ħabta tas-2.15 a.m. B’referenza għall-pilloli ecstasy li nstabu fil-pussess tiegħu, qal li dawn kien se jikkunsmahom f’lejl wieħed, filwaqt li żied jgħid illi anke l-pilloli li nstabu fil-vettura kienu għall-użu personali tiegħu.

Ċaħad li huwa kien qed ibiegħ il-pilloli ecstasy fl-istabbiliment, u qal li l-pilloli li kellu fuqu kienu ntiżi għalih u li kien ilu daqxejn jabbuża mid-droga.  Qal ukoll illi kien juża d-droga fil-weekend biss. Mistoqsi għalfejn kellu dak l-ammont konsiderevoli għall-weekend wieħed, l-imputat jgħid illi kien xtrahom f’daqqa, kellu ftit fuqu u l-bqija fil-karozza. Xtara l-pilloli bil-prezz ta’ €300 biex iservuh għal xahrejn.

Kien għadu kif xtrahom u baqa’ sejjer bihom Paceville.  Huwa talab illi fl-atti proċesswali tiġi nserita relazzjoni ta’ Dr. Edward Curmi, nominat bħala espert fi proċeduri separati quddiem il-Qorti kontrih, u dan bl-iskop illi huwa jirrelata dwar jekk l-imputat kienx dipendenti fuq id-droga f’Jannar 2007 u s-sena ta’ qabel.   

Minn din ir-relazzjoni jirriżulta illi l-imputat kien dipendenti fuq id-droga f’Jannar 2007 u fis-sena ta’ qabel u li tali dipendenza kienet waħda gravi u medika. Skont l-istess espert, l-imputat kellu, u fiż-żmien tar-relazzjoni, kien għad għandu problema ta’ droga, partikolarment fl-użu tal-kannabis, u li maż-żmien għamel użu ta’ ċertu ‘hard drugs’ li affetwawlu s-saħħa mentali tiegħu.

Skont l-istess relazzjoni, ta’ 16-il sena beda jespertimenta mid-droga b’mod partikolari mill-kannabis u ta’ 18-il sena beda jmur il-parties u jieħu ammont sostanzjali ta’ drogi differenti. F’lejl kien jesperimenta minn diversi tipi ta’ sustanzi lleċiti u skont hu “f’lejl kellhu il-kapacita’ jibla 25 pillola ta’ l-ecstasy jew hames grammi kokaina”.

Għamel żmien fejn kien ikkalma u kien qed jistudja biex isir Chef, iżda meta miet missieru f’xahar nefaq il-wirt kollu fuq drogi u spiċċa b’dejn ta’ €70,000. Wara xi żmien daħal f’relazzjoni li damet għaddejja seba’ snin u nofs u hawnhekk naqqas ħafna mill-użu tad-droga.

Il-Qorti qalet li filwaqt li m’għandhiex dubju illi l-imputat kien jagħmel użu mid-droga, madankollu ma tistax ma tqisx ukoll illi din ir-relazzjoni kienet qegħda tistħarreġ is-sitwazzjoni tal-imputat b’referenza partikolari għal Jannar tas-sena 2007 u s-sena ta’ qabel.

Il-Qorti qalet li ma hemm l-ebda indikazzjoni speċifika dwar is-sitwazzjoni ta’ Azzopardi fiż-żmien dan il-każ, fejn huma ma ġabx prova, imqar sal-grad tal-probabbli, sabiex jiġġustifika l-fatt illi fuq il-persuna tiegħu, huwa kellu dawk l-ammonti kollha ta’pilloli ecstasy fil-lejl in kwistjoni.  

Il-Qorti qalet li huwa kien qiegħed ġewwa stabbiliment f’Paceville, meta diġa` kienu saru s-2.15 a.m. fil-mument li ġie arrestat u minkejja li għal xi wħud, inkluż għall-imputat jista’ jkun il-każ illi kif jgħidu “the night was still young”, anke li kieku l-istess imputat kellu jieħu pillola fis-siegħa sad-9.00 a.m. xorta waħda ma ssib l-ebda ġustifikazzjoni għall-fatt illi fuq il-persuna tiegħu, huwa kellu 19-il pillola. Bħal ma ħalla warajh 79 pillola fil-vettura li kien qed jagħmel użu minnha, l-imputat seta’ faċilment iħalli iżjed pilloli warajh u jżomm biss dak l-ammont li kellu bżonn għall-użu tiegħu.

Il-Qorti qalet ukoll li l-imputat qal illi huwa kien xtara dawn il-pilloli biex iservuh xahrejn, kif ukoll illi kien jagħmel użu minnhom fil-weekends biss, li jfisser allura illi fuq perjodu ta’ xahrejn, jekk wieħed iqis ċirka tmien weekends, l-imputat akkwista bi 12-il pillola għal kull weekend, li jfisser ukoll allura illi fuqu, f’lejl wieħed, diġa` kellu iżjed pilloli milli kien qed jipprospetta li juża f’weekend sħiħ.

L-ammont globali ta’ pilloli fil-pussess tal-imputat fuq il-persuna tiegħu ġewwa stabbiliment f’Paceville, fis-2.15 a.m. tfisser li kellu d-droga f’ċirkostanzi mhux għal użu personali ġiet ippruvata.  Dwar li kkommetta reat ġewwa distanza ta’100 metru mill-parametru ta’ skola, klabb jew xi post simili fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ, huwa nstab fil-pussess ta’ 19 il pillola ecstasy fi stabbiliment. Id-difiża stess iddikjarat illi ma kienx hemm kontestazzjoni minn naħa tagħha, illi fil-mument tal-arrest tiegħu, l-imputat kien jinsab f’post li jiffrekwentaw iż-żgħażagħ.

Dwar l-akkuża li kkommetta reat waqt li kien taħt Ordni ta’ Probation, il-Prosekuzzjoni, qalet il-Qorti baqgħet ma esebietx kopja legali ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant din l-imputazzjoni ma tirriżultax sodisfaċentement ippruvata.

Għal fini ta’ piena, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-kondotta tal-imputat kif aġġornata sa April 2021, mil-liema jirriżulta illi l-imputat kellu biss skontru wieħed mal-ġustizzja u dan b’rabta ma’ pussess tar-raża tal-kannabis li jirrisali għas-sena 2006, dwar liema huwa ngħata Ordni ta’ Probation.

Qieset ukoll in-natura serja tal-ammont ta’ pilloli in kwistjoni, fejn l-imputat instab ħati ta’ pussess ta’ mediċina psikotropika u ristretta f’tali ċirkostanzi li juru li din ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.  Qieset ukoll mill-banda l-oħra, illi mir-relazzjoni tal-espert Dr Edward Curmi, jirriżulta illi sas-sena 2019, għalkemm l-imputat ma kienx irrijabilita ruħu għal kollox mill-vizzju tad-droga, madankollu għamel progress in kwantu qata’ l-użu ta’ ċerti sustanzi u kellu mpjieg stabbli.  Għaldaqtant huwa ġie kundannat disa’ xhur priġunerija u multa ta’ €1,500. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jason Francis Sultana u Daryl Borg.