Lokali

“Għandu jkun hemm enfasi dwar il-prevenzjoni tad-droga” – Il-Kamra tal-Ispiżjara

Dwar il-White Paper fuq l-użu tal-Kannabis, il-Kamra tal-Ispiżjara irrevediet u approvat bis-sħiħ il-pożizzjonijiet iddikjarati riċentement ta’ organizzazzjonijiet professjonali oħra, bħall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija, il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja Privati, il-Kulleġġ Malti tal-Ġinekoloġisti u l-Assoċjazzjoni Pedjatrika Maltija u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika (2018) u dawk l-organizzazzjonijiet li għandhom snin twal ta’ għarfien espert fil-prevenzjoni tal-abbuż mid-droga, l-edukazzjoni u r-riabilitazzjoni inklużi l-Caritas, OASI, Sedqa; Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika (SfCE) u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) u fir-riċerka u l-komunikazzjoni dwar is-saħħa mentali, bħal l-Fondazzjoni Richmond.

Il-Kamra tiddikjara li hija mħassba dwar il-proposti fil-White Paper, li jirrakkomandaw bidla radikali, mhux biss fil-leġiżlazzjoni iżda wkoll kulturalment.

Il-Kamra mhix favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali. Madankollu, il-Kamra wkoll mhix favur il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali, kontra persuni misjuba fil-pussess tal-kannabis għall-użu personal.

Il-Kamra tirrakkomanda bil-qawwa sforz mis-setturi kollha relatati ta’ għarfien espert, Governattivi, privati, tal-Knisja u NGOs, inklużi u b’mod sinifikanti, il-kura tas-saħħa u professjonisti oħra li jipprattikaw fil-komunità,

Għandu jkun hemm enfasi fuq l-edukazzjoni dwar il-prevenzjoni tad-droga, il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtitha, fiżika u emozzjonali u mentali, b’mod speċjali għan-nies f’età żgħira ħafna u li jinkludu adolexxenti u adulti żgħar.