Lokali Parlament

Ikomplu l-attakki tal-Labour fuq il-Kummissarju għall-Istandards; issa l-Ministru Carmelo Abela

Il-Ministru Carmelo Abela kompla bl-istrateġija tal-Gvern li jattakka lill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler u allega li fir-rapport dwar ksur ta’ etika mill-istess ministru Laburista, il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler kien ħejja rapport għax kellu l-intenzjoni li jsibu ħati u wara għamel l-argumenti biex jiġġustifika dak li kien kiteb.

L-attakk tal-Ministru Carmelo Abela sar fl-isfond tar-rapport tal-Kummisarju għall-Istandards George Hyzler li sab lill-Ministru Carmelo Abela ħati li uża fondi pubbliċi fl-ammont ta’ €7,000 f’riklam propoganstiku.

Fl-Aġġornament tal-parlament llejla Carmelo Abela qal li l-persuni magħżula minn George Hyzler fl-uffiċċju tiegħu kollha jappoġġjaw lill-PN. Hu spjega li kellu żewġ każi quddiem il-Kummissarju Hyzler; wieħed minnhom dwar ir-riklam.

Hu ċaħad li kien hemm l-intenzjoni li jkun hemm riklam għalih personali iżda ried biss li tingħata informazzjoni dwar il-ħidma tar-responsabbiltajiet tiegħu fl-2020. L-għażla tar-ritratt tiegħu fir-riklam waqgħet fuq ritratt meħud minn fotografu tad-DOI u ma kienx hemm spejjeż marbutin miegħu.

Il-Ministu Carmelo Abela qal li kien hemm attakk koordinat fuqu fosthom bil-każ tal-HSBC fl-aħħar ta’ Ottubru; dan meta hu ta x-xhieda tiegħu fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Minn dakinhar bdew attakki kkoordinati fil-konfront tiegħu, sostna l-Ministru Abela, li sostna li mhux se jikkummenta iktar fuq il-każ tal-HSBC għax hemm libell li hu għamel lil Jason Azzopardi.

Il-Ministru Laburista kompla li l-Kummissarju Għoli għall-Gana kien ilu sena moribond fl-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards iżda ma nstema’ xejn. Hu sostna li Jason Azzopardi kien protagonist f’dan kollu b’konfoffa mal-kriminali u ma’ nies f’istituzzjonijiet differenti.

Il-Ministru Abela qal li l-gvern qatt ma kien kontra l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport iżda l-membri tal-gvern kellhom jiddefendi l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards għaliex numru ta’ rapporti kienu maħruġa fil-pubblika. Hu kkriktika wkoll lil Repubblika u qal li l-impressjoni tiegħu hi li George Hyzler ried isibu ħati u ried jagħmel argumenti biex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu.

Il-Ministru Abela kompla jattakka lil George Hyzler u qal li hu ma kisirx il-Kodiċi ta’ Etika, tant li anki l-Ispeaker qabel ma’ din il-pożizzjoni. Hu sostna li l-linja gwida għal dawn ir-riklami ma jeżistux u qal li l-messaġġi fir-riklam kienu fattwali.