Il-membri tal-MCESD qed jappellaw biex id-diskussjoni dwar ir-riforma tal-kannabis tiġi posposta sa wara l-Elezzjoni Ġenerali biex tiġi evitata kwistjoni ta’ logħba politika b’dan is-suġġett tant sensittiv.
F’ittra liż-żewġ partiti, l-MCESD qalu li jkun aħjar jekk din il-White Paper ma tiġix diskussa fl-ambjent konfrontattiv ta’ elezzjoni, “fejn hemm il-periklu li ssir ballun politku fejn jittieħdu deċiżjonijiet b’interessi personali u mhux fl-interess tas-soċjetà b’mod ġenerali.”
L-MCESD qalu li għandha ssir ir-riċerka meħtieġa kif ukoll rapport dwar l-impatt soċjali. Dan filwaqt li saret sejħa wkoll għal konsultazzjoni mal-partijiet involuti kollha qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. “Dan għandu jsir b’mod oġġettiv wara l-elezzjoni.”
L-ittra kienet iffirmata mill-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem (MEA), il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), is-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU), il-UĦM – Voice of the Worker, il-Kumitat tar-Reġjun t’Għawdex u l-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili.
//= $special ?>