Lokali

Il-Moviment Graffitti jitlob investigazzjoni fl-aġir ta’ Infrastructure Malta

Il-Moviment Graffitti qed jitlob investigazzjoni sħiħa fil-prattiki tal-esproprijazzjonijiet li saru minn Infrastructure Malta sa mill-bidu tal-ftuħ tagħha. F’reazzjoni għal storja li dehret fit-Times dwar esproprijazzjonijiet mhux imħallsin u proċeduri oħra, li wasslu sabiex bdiewa u sidien tal-art ma jirċevux il-kumpens mistħoqq, il-Moviment qal li dan huwa “serq sfaċċat, sponsorizzat mill-Istat, għad-dannu taċ-ċittadini tiegħu.”
Il-grupp qal li jinsab “iddiżgustat” bil-fatti li ħarġu f’dan ir-rapport u kkonferma l-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf is-serq tal-art li qed twettaq Infrastructure Malta bi kwalunkwe mod possibbli. Il-grupp talab ukoll lill-Prim Ministru sabiex jinvestiga l-kwistjoni.


“Ir-responsabbiltà finali hija tal-Prim Ministru, li huwa responsabbli mill-Ministri u s-CEOs tiegħu. Aħna nemmnu li wara bosta stejjer dwar Infrastructure Malta u l-aġir tal-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport – inklużi l-Ministeru stess – għandu jkun hemm investigazzjoni formali sabiex jiġi stabbilit għalfejn dawn il-persuni għadhom ma ngħatawx kumpens, minkejja l-wegħdiet/dikjarazzjonijiet ripetuti li kollox qed isir skont ir-regoli.”
Il-grupp fakkar kif l-azzjoni tiegħu f’Ħad Dingli kixfet dak li kienu qed jagħmlu IM. In-notifika fil-Gazzetta tal-Gvern dwar il-bidu ta’ xogħlijiet fuq it-toroq dehret biss nhar it-Tnejn, 29 ta’ Marzu, ġimgħa sħiħa wara l-bidu tal-azzjoni tal-Moviment Graffitti. Madankollu, wara li l-attivisti talbu lil persunal ta’ IM juru karti, notifiki, u dokumenti uffiċjali oħra mill-Awtorità tal-Artijiet, l-esproprijazzjonijiet bdew isiru b’mod mgħaġġel mil-Lands. In-notifiki fil-gazzetta tal-Gvern dehru biss fit-12 ta’ April, tliet ġimgħat wara li bdew l-azzjonijiet tal-Moviment Graffitti f’Ħad Dingli. 

Il-grupp enfasizza wkoll kif Dr Borg u l-Ing Fredrick Azzopardi rtiraw l-ewwel talba tagħhom għal laqgħa mal-partijiet ikkonċernati, wara li unilateralment iddeċidew li l-kwistjoni tal-esproprijazzjonijiet li kellha tiġi diskussa “ma kellha xejn x’taqsam” mas-saga ta’ Ħad Dingli. “Issa qed nifhmu għalfejn bdew isibuha bi tqila jagħmlu laqgħa barra mill-uffiċċji ta’ IM,” żied il-grupp.

“Tlabna lil persuna ta’ IM responsabbli mix-xogħlijiet, tali “Clint”, sabiex jurina dawn il-karti iżda bqajna b’xejn. Dan ifisser biss li IM kienu qed jidħlu fuq art privata mingħajr ma jkunu kisbu permess mis-sidien kollha. Id-dokumenti tlabnihom waqt livestream minn Ħad Dingli; dak il-ħin, IM indunaw li nqabdu u telqu jgħaġġlu fuq l-esproprijazzjonijiet.”

“Din l-istorja kkonfermat is-suspetti tagħna fuq kif jaħdmu Infrastructure Malta. Filwaqt li l-liġi li tistabbilixxi lil Infrastructure Malta tiddikjara b’mod ċar li l-esproprijazzjonijiet għandhom isegwu l-proċeduri tal-Awtorità tal-Artijiet, jidher li ħafna minn dawn it-talbiet qatt ma waslu l-Lands.

Se nistennew b’ċertu ħerqa r-reazzjoni ta’ Infrastructure Malta. L-iskuża li x-xogħlijiet iridu jsiru b’urġenza mhijiex kredibbli, għax f’ċertu każijiet għaddew tliet snin u s-sidien għadhom ma tħallsux tal-esproprijazzjoni, minkejja li ħafna mix-xogħlijiet ilhom li tlestew.

Jekk Infrastructure Malta se twaħħal fi kwistjoni amministrattiva, infakkru kif dawn il-“kwistjonijiet amministrattivi” wasslu sabiex IM tħallas €16m f’finanzjamenti minn qabel lil tliet kuntratturi magħżula, minkejja li r-regoli tat-tender kienu jipprojbixxu li jsiru finanzjamenti minn qabel. Jidher ukoll li dawn il-kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ma żammewx lil IM milli joħorġu miljun fuq l-ieħor f’direct orders lill-kuntratturi, filwaqt li l-bdiewa u s-sidien tal-artijiet għadhom ma rawx ċenteżmu.”

Il-grupp tenna wkoll it-talba tiegħu lill-bdiewa sabiex ifittxu għajnuna legali u jevitaw li jmorru waħedhom għal-laqgħat ma’ IM. “Ninsabu infurmati li, tul is-Sibt waranofsinhar, wara l-aħħar konferenza stampa f’Ħad Dingli, persunal ta’ IM ċempel numru ta’ bdiewa biex imorru għal laqgħa ma’ Infrastructure Malta fl-uffiċċji tagħhom f’Ħal Luqa. Aħna nirrakkomandaw li ma tmorrux dawn il-laqgħat mingħajr avukat, u sabiex ma tiffirmaw ebda karta, speċjalment taħt pressjoni.”

Il-Moviment Graffitti qal ukoll li qed isegwi s-sitwazzjoni mill-qrib u se jieħu deċiżjoni dwar azzjonijiet ulterjuri fil-ġranet li ġejjin.