Il-Parlament Malti fakkar l-10 anniversarju mill-introduzzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li tiffoka fuq il-vjolenza domestika.
F’din it-tifkira tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u d-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li minkejja l-progress li sar, fl-Ewropa għad hemm pajjiżi li huma kontra din il-Konvenzji u oħrajn ħallewha mhux implimentata. Hu qal li n-nisa baqgħu jsofru fis-soċejtà u fakkar kif kien biss fl-1990 kien twaqqaf il-Victim Support Group. L-Ispeaker appella biex ikun iktar miżuri favur in-nisa fis-soċjetà u kontra l-vjolenza domestika

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li 137 mara kuljum jiġu maqtula kuljum fid-dinja u sostna li l-aktar li jinqatlu nisa huma fid-djar. Mhu il-vjolenza domestika kollha qed tkun rappurtata u minn kull tliet każi li jseħħu inqas minn każ ikun rapportat għaliex jinżamm is-skiet; ħafna jsofru fis-skiet u f’pajjiż żgħir bħal Malta din il-problema tas-skiet hi ikbar.

Evarist Bartolo qal li l-problema hi kbira anki fil-livell tal-UE għaliex terz tan-nisa jgħidu li sofrew vjolenza jew abbuż. Dan minn rapport ta’ 30% biss, sostna Evarist Bartolo, li nsista li fadal ħafna x’isir biex id-drittijiet ikunu garantiti minħabba li dawn huma xi ħaġa fraġli.
Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici tkellem dwar l-importanza tar-rispett tal-mara fil-livelli kollha u qal li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul titratta l-protezzjoni lin-nisa bi prijorità. Hu sostna li s-soċjetà għandu jkollha kultura li tapprezza lill-mara fis-soċjetà iżda din il-kultura għadha lura minnha minkejja l-liġijiet li saru kontra l-vjolenza domestika.

Għad fadal ħafna ideat antikwati dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fadal irġiel li għadhom jaħsbu li għad għandhom xi drittijiet ta’ eluf ta’ snin ilu fuq in-nisa.
Hu tkellem fuq l-importanza li n-nisa jingħataw il-protezzjoni fl-istituzzjonijiet u qal li għad hawn każi ta’ nisa li jsofru l-vjolenza domestika iżda n-nisa ma jitkellmux fuq din il-vjolenza minħabba biża’;. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż għamel avvanzi fir-rigward tal-protezzjoni lin-nisa fejn illum hu ferm iktar faċli li jsiru r-rapporti dwar vjolenza domestika.
//= $special ?>