Ewropa Internazzjonali Lokali

“Il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-protezzjoni tal-verità, tfisser il-protezzjoni tal-poplu kollu” – Roberta Metsola

Il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-protezzjoni tal-verità, tfisser il-protezzjoni tal-poplu kollu. Għalhekk il-libertà tal-ġurnalisti li jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom ma tistax tiġi maqtugħa mill-protezzjoni tad-demokrazija tagħna.

Kliem il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu ġiet maħtura biex tmexxi rapport importanti li permezz tiegħu, l-Unjoni Ewropea jkollha regoli li jipprevjenu li jinfetħu kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika – magħrufa bħala kawżi SLAPP.

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew qalet li Daphne Caruana Galizia hija eżempju ċar ta’ dan kollu izda mhux biss… għax diversi ġurnalisti, kmamar tal-aħbarijiet u attivisti, kollha qed jiffaċċjaw theddid li qed ifixkel il-ħidma tagħhom biex jagħlqulhom ħalqhom.

Il-Parlament Ewropew ilu żmien twil jitlob biex tittieħed azzjoni sabiex ikunu protetti l-ġurnalisti u jkun hemm leġislazzjoni ġdida kontra l-ISLAPP. Roberta Metsola saħqet li għandu jkun hemm sanzjonijiet kontra dawk li jabbużaw mil-liġijiet dwar libelli u malafama fil-konfront tal-ġurnalisti.

Hija qalet li l-għan aħħari hu li jkun hemm bilanċ bejn ir-responsabbilta tal-ġurnalisti li jgħidu l-verità u d-demokrazija.

Intant waqt l-istess laqgħa virtwali… għamel l-intervent tiegħu l-MEP Laburista Cyrus Engerer fejn wara li fil-passat ikkritikat bl-aħrax lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, issa qal li d-dritt tal-espressjoni għandu jkun ħieles.