EURO 2020 Sport

It-taqsima sport ta’ Net Media b’servizz speċjali għall-Euro 2020

(Ritratt: Sky Sports)

Net Media, li tmexxi l-istazzjonijiet Net Television u Net FM, in-news portal netnews.com.mt u l-gażżetti ‘In-Nazzjon’ u ‘Il-Mument’, bħalissa għaddejha bil-preparamenti tagħha sabiex jitħejja servizz speċjali u informattiv mit-taqsima sport ta’ din il-kumpanija, għal matul il-jiem tal-Euro 2020. Id-dilettanti tal-futbol internazzjonali qed jistennew bil-ħerqa l-bidu ta’ din il-kompetizzjoni, li hi t-tieni l-akbar waħda fid-dinja tal-futbol, wara t-Tazza tad-Dinja. Il-Euro 2020 se tkun qed tintlagħab f’diversi bliet Ewropej, u se tkun qed tibda minn nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju, sa nhar il-Ħadd, 11 ta’ Lulju.

Net Television, permezz tat-tim ta’ Replay, se jkun qed jerġa’ iwassal programm speċjali li jixxandar kuljum, matul il-jiem tal-Euro 2020, bl-isem ta’ ‘Replay Euro 2020’. Il-programm se jkun qed jixxandar eżatt wara Net News, fit-8:15pm, u jispiċċa qabel il-bidu tal-partita tad-9pm. ‘Replay Euro 2020′ se jkun qed jibda jixxandar minn nhar it-Tnejn, 7 ta’ Ġunju, bil-produzzjoni eżekuttiva ta’ Christian Micallef, mgħejjun minn Rowen Camilleri. Il-programm se jkun qed jiġi ppreżentant minn tliet preżentaturi differenti, fejn flimkien ma’ Micallef, li jippreżenta l-programmi kollha Replay fl-iskeda ta’ Net Television, se jkun hemm George Cassar u Roderick Vella. Ta’ kuljum, f’dan il-programm se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ opinjonisti, li huma meqjusa fost l-aqwa f’pajjiżna, u li se jkunu parti mit-tim ta’ Replay u Net Television matul din l-edizzjoni tal-Euro 2020.

It-taqsima sport ta’ Net Media, li hi mmexxija minn Christian Micallef, se tkun qed tikkonċentra ħafna mir-riżorsi tagħha sabiex tagħti servizz ta’ kwalitá, bl-aħħar aġġornamenti marbuta mal-Euro 2020, permezz tas-sit elettroniku netnews.com.mt. Dan in-news portal se jkun qed jirriserva sezzjoni esklussiva u speċjali dwar dan it-turnament Ewropew, b’diversi artikli informattivi li se jkunu qed jiġu ppublikati ta’ kuljum minn tim apposta ta’ ġurnalisti sporitivi, kompost fost l-oħrajn minn Jordi Farrugia, Liam Farrugia u Ritchie Cassar. L-istess servizz se jkun qed jiġi estiż fil-paġni tal-gazzetti, ‘In-Nazzjon’ u ‘Il-Mument’, hekk kif kuljum dawn il-gażżetti se jkunu qed jirriservaw paġni apposta għall-Euro 2020.

Nhar il-Ħadd, 6 ta’ Ġunju, mal-gażżetta ‘Il-Mument’, se jkun qed jitqassam magażin speċjali u b’kontenut informattiv u dettaljat dwar l-24 tim finalist tal-Euro 2020, kif ukoll artikli oħra ta’ interess. Għal darb’oħra, l-editur ta’ dan il-magażin hu Christian Micallef, li fl-aħħar snin ħa ħsieb il-kitba ta’ magażins oħra simili marbuta mal-aħħar edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u l-Euro.

F’kummenti ma’ dan is-sit, Micallef faħħar il-ħidma tat-taqsima sport li jmexxi hu u wiegħed lit-telespettaturi u l-qarreja kollha tal-kumpanija Net Media, li s-servizz offrut tul il-jiem tal-Euro 2020 se jkun tal-għola livell u aġġornat kontinwament. Micallef żied jgħid li minkejja l-limitazzjonijiet kollha li jaf ikollha kumpanija privata tal-media f’pajjiżna, speċjalment f’dawn iż-żminijiet tal-COVID-19, is-servizz fil-qasam tal-aħbarijiet u l-programmi sportivi, speċjalment dak fuq Net Television, baqa’ tal-għola livell u fost l-aktar segwit f’pajjiżna. Dan l-istess servizz, fi kliem Micallef, se jitkompla jissaħħaħ b’apprezzament lejn l-appoġġ li d-dilettanti tal-isport f’Malta u Għawdex kontinwament jagħtu lil Net Media.