Lokali

Ix-xandir tal-istat maħtuf minn Robert Abela – PN

 Il-mod kif qed jitmexxa l-istazzjon nazzjonali huwa xhieda ċara ta’ kif l-istituzzjonijiet ta’ dan il-pajjiż mhux jitħallew jaħdmu kif suppost. Kemm ilu Robert Abela Prim Ministru l-iżbilanċ fix-xandir tal-istat żdied, tant li l-Partit Nazzjonalista għamel ammont ta’ protesti mal-PBS u l-awtoritá tax-Xandir minħabba żbilanċ ċar fix-xandir. 

Hekk saħqu f’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista David Thake u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Francine Farrugia. 

David Thake saħaq li x-xandir pubbliku huwa imħallas minn flus il-poplu u għalhekk m’huwiex aċċettabbli li dan jinbidel f’arma partiġġjana għall-gvern tal-ġurnata. Dan għandu jkun assigurat mill-board editorjali li jmexxi dan l-istazzjon, li meta aċċetta l-inkarigu ntrabat b’responsabbiltá kbira lejn il-poplu kollu. 

Francine Farrugia qalet li x-xandir tal-istat qed iwassal stampa li turi biss dak li jrid il-gvern filwaqt li taħbi l-veritajiet li mdawwar bihom il-poplu Malti u Għawdxi. Sostniet li hu fi dmir tax-xandir nazzjonali li jagħti l-istampa sħiħa u mhux ikun għodda tal-Gvern li tgħarbel u turi dak biss li jrid Robert Abela u sħabu. 

Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista ressaq protest mal-Public Broadcasting Services u anke mal-Awtoritá tax-Xandir minħabba żbilanċ fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista waqt il-programm ‘Serataron’. 

Fl-ilment tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-programm Serataron li xxandar nhar il-Ġimgħa filgħaxija, kif xieraq, kien imfakkar Jum l-Omm. Għal dan il-programm kienet mistiedna mart il-Prim Ministru Lydia Abela imma fl-istess programm ma ngħatax opportunita’ simili lil AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Francis Zammit Dimech fil-protest fisser li dan l-iżbilanċ kiser b’mod mill-aktar ċar il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna filwaqt li f’tema li suppost għandha tattira l-għaqda nazzjonali, bħal dik ta’ Jum l-Omm, ix-xandir tal-istat ħoloq dan l-iżbilanċ li għalih il-Partit Nazzjonalista qed jitlob rimedju.