Lokali Parlament

Jeħtieġ jissolvew il-problemi tal-qasma diġitali

Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono appellat biex jissolvew il-problemi fis-soċjetà li toħloq il-qasma diġitali.

Fil-parlament Kristy Debono qalet li l-MCA hi awtorità importanti ħafna u dejjem baqgħet ‘l bogħod mill-iskandli jew kontroversji politiċi. Għalhekk id-distinzjoni proposta bejn ir-rwoli tas-CEO u ċ-Chairman twassal għal governanza aħjar.

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li l-emendi proposti huma maħsuba biex ikun hemm iktar flessibbiltà lill-MCA biex topera b’mod iktar flessibbli. L-MCA hi waħda mill-awtoritajiet eżemplari u għalhekk din għandha tibqa’ topera bl-istess ritmu.

Hi rrikonoxxiet il-kisbiet li għamlet din l-Awtorità; li hi waħda mill-awtoritajiet propożittivi biex ikun assigurat li dan is-settur tal-komunikazzjoni jibqa’ rilevanti u dejjem iktar effettiv.

Hi semmiet il-problemi li ħolqot il-COVID u sostniet li jeħtieġ tkun indirizzata l-problema ta’ dawk in-nies li ma jikkomunikawx bit-teknoloġija. Fost dawn hemm l-anzjani u l-edukazzjoni fejn kien hemm studenti li ħassewhom frustrati jsegwu lezzjonijiet online. Hi semmiet is-settur bankarju u qalet li anki hawn kien hawn problemi għaliex huma il-persuni kollha huma kapaċi jużaw l-online banking; fost dan hemm l-anzjani.

Hemm ukoll kumpaniji li hux jirnexxielhom ilaħħqu mat-teknoloġija u għalhekk qed jitilfu l-kompetittività. Waqt il-COVID kellu jkun hemm iktar inizjattivi mill-MCA dwar iktar iktar inċentivi flimkien mal-Malta Enterprise biex jissolvew problemi għal dawk li kienu qed jiffaċċjaw sitwazzjonjiet diffiċli.