Internazzjonali

Massakru fi skola tar-Russja….Il-pulizija jżommu persuna suspettata

Numru ta’ tfal u tal-anqas għalliem wieħed tilfu ħajjithom waqt sparatura fi skola fil-belt ta’ Kazan, li tinsab lejn il-Lvant ta’ Moska, il-kapitali tar-Russja. Din il-belt tifforma parti mir-Repubblika (fil-parti kbira Musulmana) ta’ Tatartsan, bl-awtoritajiet lokali jifssru l-isparatura bħala ‘traġedja kbira’.

Filwaqt li varjaw id-diversi rapporti dwar il-vittmi, l-uffiċjali f’Kazan qalu li mietu talanqas disat itfal u adolexxenti waqt li ma eskludewx li l-ammont jista’ jiżdied fost l-investigazzjonijiet kontinwi. Kien anki kkonfermat li numru ta’ persuni sfaw midruba fl-isparatura – b’uħud jittieħdu b’urġenza lejn l-isptarijiet taz-zona.

Sar magħruf ukoll li l-pulizija kienet qed iżżomm persuna adolexxenti biex qed jgħin bl-istħarriġ tagħha, iżda d-dettalji dwar dan il-fattur baqgħu konfużi sal-ħin li morna għall-istampa.

Intant, il-President tar-Russja. Vladimir Putin qal, ftit wara l-attakk, li kien qed jaħseb biex jirrevedi r-regoli tal-pajjiż għall-ġarr u pussess ta’ armi.

Dan minkejja li l-isparaturi fl-iskejjel tar-Russja huma fenomenu pjuttost rari – bl-aħħar inċident simili, li jmur lura għall-2018, iseħħ fl-inħawi tal-Krimea  li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukrajna erba’ snin qabel il-każ partikulari.

Fl-aħħar sigħat, numru kbir ta’ pulizija armati sa snienhom wieġbu minnufih għall-emerġenza fl-iskola ta’ Kazan. Matul il-jum, spikkaw il-filmati fuq il-media soċjali li urew it-tfal tal-iskola waqt li kienu qegħdin jaqbżu mit-twieqi biex isalvaw mill-isparar – u bl-istampa Russa ssostni li talanqas żewġt itfal mietu wara li kienu kostretti li jaqbżu mit-tieni sular tal-bini.

L-ewwel rapporti li bdew deħlin mill-inħawi rreferew għal ‘żewġ aggressuri armati’ fost indikazzjonijiet dwar ‘il-qtil ta’ wieħed minnhom’. Iżda wara, l-uffiċjali f’Kazan qalu li  kien hemm suspettat wieħed biss u li dan kien qed jinżamm mill-pulizija.m Mhux qed ikun eskluż li l-qattiel hu eks-student li kien jattendi l-iskola partikulari ftit tas-snin ilu.

Fl-istess ħin, kelliema għall-pulizija qalu li ‘it-terrorista li spiċċa arrestat għandu 19-il sena’. Sar magħruf ukoll li l-aggressur suspettat kien irreġistrat bħala ‘is-sid ta’ arma tan-nar’.

Il-vittmi tal-isparatura jinkludu erba’ adolexxenti rġiel u tliet tfajliet ‘tat-tmien sena’ – bl-awtoritajiet jgħidu li talanqas 12-il tfal/adolexxenti u erba’ adulti ttieħdu malajr l-isptar wara li ntlaqtu mit-tiri. Mifhum li talanqas sitt studenti jinsabu f’kundizzjoni kritika.

Wara l-attakk, il-kelliema għall-Kremlin f’Moska qalu li l-President Putin ħareġ direttivi biex il-Kap tal-Gwardja Nazzjonali ‘ifassal b’urġenza sett ta’ regoli ġodda dwar it-tip ta’ armi li jistgħu jkunu fil-pussess taċ-ċittadini Russi’.

Jidher li d-direttiva ‘qed taħseb fit-tip ta’ arma tan-nar li kien uża l-aggressur biex iwettaq il-massakru f’Kazan’. Għalissa, il-qawwiet tas-sigurtà f’Kazan qed ifittxu fl-appartamenti tal-blokk bini fejn kien qed jgħix is-suspettat – u bil-pulizija jagħlqu kull aċċess lejn ‘l-iskola tal-mewt’ fil-viċinanzi.