Lokali Parlament

Prijorità għas-sigurtà fuq il-media soċjali

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg enfażizzat l-importanza li fuq l-internet ikun hemm ir-responsabbiltajiet, id-dmirijiet u l-obbligi neċessarji biex is-sigurtà tkun trattata bi prijorità.

Fil-parlament Claudette Buttigieg tkellmet dwar is-sigurtà online fejn jidħlu l-minuri u qalet li hemm pajjiżi li poġġew l-aspett diġitali bħala parti mill-politika soċjali tagħhom. Hi sostniet li hemm każi ta’ abbużi fuq it-tfal permezz tal-internet fejn it-tfal qed jiġu mġiegħla jagħmlu affarijiet li ma jridux.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ il-kliem ta’ mibgħeda u qalet li hemm min juża l-pjattaformi diġitali biex ikisser persuni oħra. Hemm ukoll il-problema tar-razziżmu li jgħolli rasu bil-kbir fuq l-internet.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li jeħtieġ iktar edukazzjoni dwar l-użu tal-internet u sostniet li kulħadd għandu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu fid-dinja diġitali. Hi appellat biex ikun hemm protezzjoni lil ċertu setturi tas-soċjetà fosthom it-tfal, l-anzjani u l-persuni vulnerabbli.