Lokali

Bżonn ta’ iktar investiment fis-settur marittimu biex isir wieħed mill-pilastri tal-ekonomija

“Għall-Partit Nazzjonalista, is-settur marittimu dejjem kien importanti pero issa rridu nagħmlu l-qabża li jmiss. Irridu nġibuh pilastru ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna” – Hekk iddikjara l-Kap tal-PN Bernard Grech waqt żjara li għamel f’Maritime MT.

Il-Kap tal-PN intlaqa’ mill-Kaptan Jesmond Mifsud, il-Kap Eżekuttiv ta’ Maritime Pilots Malta li tmexxi Maritime MT, kif ukoll minn numru ta’ persuni oħra fi ħdan il-kumpanija li dawru lil Bernard Grech madwar il-bini tagħhom fejn spjegaw aktar fid-dettal il-ħidma tagħhom. Bernard Grech saħaq li f’dan is-settur pajjiżna għandu ħafna x’joffri fejn semma’ wkoll l-ideat tiegħu għall-futur tas-settur marittimu. Dan se jwassal għal aktar xogħol ta’ kwalità, aktar impjiegi li jrendu mhux biss pagi aħjar iżda kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol.

Tul din iż-żjara, Bernard Grech wiegħed l-impenn tal-PN favur din l-industrija li tħaddem eluf ta’ ħaddiema u li għandha potenzjal kbir li tkompli tikber u tkun pilastru ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-Kap tal-PN saħaq li hemm bżonn li ninvestu b’mod agressiv f’dan is-settur filwaqt li ssir ħidma biex ikunu attirati iktar żgħażagħ li jidħlu jistudjaw u jaħdmu fil-qasam marittimu u jħarsu lejħ bħala karriera fit-tul.

Qabel iż-żjara tiegħu f’din l-iskola marittima, il-Kap tal-PN żar ukoll l-inħawi tal-Freeport.

Jakkumpanjaw lil Bernard Grech kien hemm id-Deputat Toni Bezzina kif ukoll il-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali, Rebekah Cilia, Graham Bencini u Mark Anthony Sammut.