L-Erbgħa filgħodu, quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kopmpla jinstema’ l-każ kontra Keith Schembri fuq allegati reati dwar ħasil ta’ flus, u korruzzjoni – kaz li kompla fl-assenza tiegħu.
Dan hekk kif Schembri jinsab rikoverat l-isptar b’kundizzjoni deskritta bhala “serja”. Assenti mill-awla wkoll missieru Alfio li flimkien ma’ ibnu huwa parti minn din il-kawża, u li talab li jkun skużat biex ikun qrib ibnu.
Preżenti fiżikament fl-awla ……kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-grupp Kasco, Malcolm Scerri kif ukoll il-kontrollur finanzjarju tal-grupp Robert Zammit. It-tnejn ukoll allegatament implikati f’reati ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Fis-seduta tal-Erbgħa, xehed George Francalanza, Uffiċjal Għoli tal-Malta Enterprise, bil-biċċa l-kbira tas-seduta tiffoka fuq il -kumpanija Progress Press.
Il-maġistrat irrimarkat li kieku l-Malta Enterprise kienet għamlet iktar mistoqsijiet allura kien ikun jaf li sa 50% tal-flus mitluba kienu għall-konsumabbli. Minn naħa tiegħu l-Avukat Gatt irrefera għal dikjarazzjonijiet magħmula mix-xhud fejn qal li huwa mar lura u ċċekkja l-applikazzjoni wara li qara dwarha fil-midja, u qal li dawn in-nies li huma maħsuba li frodaw lill-entità, fil-fatt, ma għamlux hekk, Anzi, kompla l-avukat, huma kienu qalu eżattament dak li kellhom l-intenzjoni li jagħmlu, u qal li kien Francalanza li kien naqas f’xogħlu.
Huwa akkuża lix-xhud li approva applikazzjoni li ma kellhiex tiġi approvata.
Keith Schembri u missieru Alfio, Malcolm Scerri u Robert Zammit ingħataw il-libertà proviżorja x-xahar li għadda wara li qattgħu kważi xahar il-ħabs. Huma jinsabu akkużati b’korruzzjoni finanzjarja fost akkużi oħra.
L-akkużi kontrihom ġejjin minn żewġ inkjesti maġisterjali li jirriżultaw minn leaks tal-Panama Papers.
//= $special ?>