Lokali

Il-Carers għadhom minsijin mill-Gvern

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ma jafx x’inhu jiġri fil-Ministeru tiegħu, inkella jrid iqarraq.

Konferma ta’ dan waslet wara mistoqsija ta’ NET News dwar id-direttivi li għadhom fis-seħħ għall-Health Carers u Senior Health Carers li jaqgħu taħt il-Caring Stream wara li dawn ilhom aktar minn xahar jistennew imqar appuntament għal laqgħa mal-Ministeru jew mad-Dipartiment tas-Saħħa ħalli jkunu jistgħu jiddiskutu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Iżda aktar minn xahar wara, dawn il-ħaddiema baqgħu minsija mill-Gvern ta’ Robert Abela, bil-union li tirrappreżentahom – il-UĦM Voice of the Workers – ma jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li tintroduċi għadd ta’ direttivi industrijali.

Mistoqsi dwar dan kollu minn NET News, u għaliex il-Ministeru tiegħu qed jinjora għalkollox lil dawn il-ħaddiema, id-Deputat Prim Ministru qal li għaddejjin il-laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema inkwistjoni u t-tim immexxi mis-Segretarju Permanenti.

Xi ħaġa li ġiet miċħuda kategorikament mill-UĦM, bil-Manager tas-Sezzjoni tas-Saħħa u l-Kura tal-Anzjani Charles Vella jtenni li, li kieku l-laqgħat saru, id-direttivi kienu jitwaqqfu immedjatament.

Il-Union lesta twaqqaf id-direttivi ladarba mqar isir appuntament għall-ewwel laqgħa mad-Dipartiment tas-Saħħa. Iżda Charles Vella tenna li kif sema’ t-twegiba li tana d-Deputat Prim Ministru, baqa’ bla kliem.

Il-pożizzjoni tal-Ministru tas-Saħħa tistona, hekk kif għall-Gvern jidher li dawn il-ħaddiema mhux importanti ladarba qed jitħallew jistennew biex almenu ssirilhom laqgħa ħalli jibdew jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ xogħolhom.