Lokali

Il-futur tal-istazzjonijiet politiċi

Ir-rwol u l-futur tal-istazzjonijiet tal-partiti politiċi kienet it-tema ta’ diskussjoni organizzata mill-Fakulta’ għall-Komunikazzjoni u l-Għarfien tal-Universita’ ta’ Malta flimkien mal-organizzazzjoni Third Eye.

Id-diskussjoni saret fl-isfond tal-kawża Kostituzzjonali li nfetħet mill-portal Lovin Malta li  jekk tirnexxi, il-qafas legali li jippermetti partiti politiċi li jkollhom stazzjonijiet tiġi dikjarata li tmur kontra l-Kostituzzjoni.

Il-webinar kien immexxi mill-Professur Ġorġ Mallia, iffoka fuq diversi suġġetti fosthom id-dritt fondamentali tal-liberta’ tal-espressjoni, ir-rwol tal-istazzjonijiet politiċi, l-imparzjalita’ u l’hekk imsejjaħ media landscape fil-pajjiż.

Fl-interventi tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li l-istazzjonijiet politiċi twaqqfu f’ċirkostanzi storiċi fejn il-partiti ma kellhomx triq oħra kif iwasslu l-messaġġ tagħhom ħlief bl-istazzjon mħallas minn fondi pubbliċi u li jkun ikkontrollat mill-Gvern tal-ġurnata.

Hu ma qabilx li l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi ħonqu l-ambjent tax-xandir fil-pajjiż. Anzi pjuttost bil-kontra, għaliex ħafna persuni ta’ talent, kif ukoll diversi production houses jipproduċu kontenut li sab udjenza.

Hu fakkar li l-liberta’ tal-informazzjoni, li taqa’ taħt il-liberta’ tal-espressjoni, mhux biss dritt li twassal l-informazzjoni, iżda wkoll dritt ta’ persuni li jirċievu informazzjoni.

Dwar il-kawża li għaddejja bħalissa, Francis Zammit Dimech qal li wieħed għad irid jara x’argumenti se jkunu preżentati. Li hu żgur hu li l-partiti politiċi se jintlaqtu direttament minn din il-kawża u f’xi mument jew ieħor, dawn se jkollhom jintervjenu fl-istess kawża.

Fil-webinar saru interventi minn studenti, xandara, kif ukoll lecturers tal-komunikazzjoni.